Thursday, December 11, 2025

Seba’ snin ħabs għax ipponta arma kkargata fuq l-eks sieħba f’każ ta’ vjolenza domestika gravi

Aqra wkoll

Raġel ta’ 35 sena ġie kkundannat seba’ snin ħabs wara li nstab ħati li kkaġuna vjolenza gravi fuq l-eks sieħba tiegħu. Instab ħati wkoll li pponta arma kkargata fuqha.

Dan il-każ kien seħħ fis-19 ta’ Diċembru tal-2021.

Clayton Grima nstab ħati  weġġgħa gravi lill-mara, li heddidha u żeblaħha, kif ukoll li kien fil-pussess ta’ armi tan-nar mingħajr liċenzja valida. 

Quddiem il-Qorti, l-Ispettur Sherona Buhagiar ippreżentat diversi armi u munizzjon li nstabu għand l-akkużat. Fost dak li ġie ppreżentat kien hemm skrataċċ ta’ senter, tliet xkubetti ta’ marki differenti, pistola b’kaxxa ta’ bullets u żewġ shotguns oħra.

Fix-xhieda tagħha l-vittma tat deskrizzjoni dettaljata ta’ dak li seħħ dakinhar tal-inċident. 

Spjegat li dakinhar kienu marru s-suq tal-Ħadd, imbagħad marru għand ommha flimkien mal-akkużat, ibnu u n-neputija tiegħu. Qalet li meta rritornaw lura d-dar, l-imputat beda jixrob u ma kienx għadu f’kundizzjoni li jsuq.

Għalhekk, il-vittma ħadet lit-tfal għand omm l-akkużat u kien hawn li qajjem kjass kbir. Meta reġgħet lura d-dar, talbitlu biex jitlaq mid-dar u hu qalilha “Tħallas għal dan kollu”. Kien hawn li hu għolla l-qmis, u ħareġ arma tan-nar filwaqt li ppuntaha lejha.

Dak il-ħin, hi kellha pakkett silġ f’idejha u tagħtu daqqa bih, iżda hu ta daqqa ta’ ras u waqqagħha mal-art. Hi kellha tingħata l-għajnuna medika.

Tabib li ta x-xhieda tiegħu wkoll f’dawn il-proċeduri kkonferma li l-vittma sofriet ksur fin-nofs tal-imnieħer u għalhekk ġiet iċċertifikata li kellha ferita ta’ natura gravi.

Xehdet ukoll it-tifla tal-vittma fejn qalet li dakinhar kienet semgħet għajjat u anke theddid ġej mingħand l-imputat. Qalet li hu qallha “Tħallas għal kollox” u li “din mhux se tieqaf hawn”.

It-tifla qalet ukoll quddiem il-Qorti li rat lil ommha mal-art, bid-demm u anke lill-imputat ħdejn is-sink b’oġġett żgħir f’idu. 

Hekk kif il-Pulizija bdew jinterrogaw lil Grima, hu ma lissen l-ebda kelma u ma riedx iwieġeb għal ebda mistoqsija li saritlu. Iżda imbagħad fix-xhieda tiegħu quddiem il-Qorti hu ta verżjoni kompletament differenti minn dik li tat il-vittma.

Xehed li l-vittma tagħti daqqa ta’ vażun u hu kien imbuttha biex ikun jista’ jiddefendi lilu nnifsu. Hu ċaħad li kellu pistola minkejja li l-Pulizija sabu l-armi.Huwa sostna li l-armi kollha tiegħu kienu maħżuna legalment, iżda kien ċar li l-liċenzja kienet skaduta kważi sena qabel.

Iżda fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li dak li allega l-vittma qatt ma sar rapport dwaru. Il-Qorti nnutat diversi kontradizzjonijiet fil-verżjoni tal-imputat fosthom dwar ferita fuq wiċċu li allegatament ġiet minn vażun, meta fil-verità kienet dovuta għal titqiba li ssir għal misluta, li ċaħad li kellu, minkejja li kemm l-espert kif ukoll ommu kkonfermaw mod ieħor. Il-maġistrat iddeskriviet it-testimonjanza tiegħu bħala “mgħawġa” u mimlija invenzjonijiet.

Min-naħa l-oħra l-Qorti qalet li x-xhieda tal-vittma u ta’ bintha kienu koerenti, affidabbli u kredibbli, u l-Qorti ma kellha l-ebda dubju dwarhom. Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet li l-provi kollha kienu jikkonfermaw il-ħtija tal-akkużat fuq l-akkużi kollha.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti qalet li din trid tirrifletti s-serjetà tal-inċident u l-fatt li r-raġel ma wera l-ebda rimors jew għamel sforz biex ibiddel ħajtu. Ġie nnutat li l-imputat diġà kellu żewġ sentenzi oħra fuq każi differenti.

Il-Qorti sostniet li f’każijiet ta’ vjolenza fuq il-persuna, speċjalment meta jinvolvu armi tan-nar, hija meħtieġa piena effettiva ta’ ħabs biex jintbagħat messaġġ ta’ deterrent kemm lill-ħati kif ukoll lis-soċjetà.

Il-vjolenza domestika u l-użu tal-armi, qalet il-Qorti, ma jistgħux jiġu ttollerati. Il-Qorti għalhekk ikkundannat lill-akkużat għal seba’ snin ħabs, ordnatlu jħallas €572 f’ispejjeż tal-esperti, u imponiet ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin favur il-vittmi. Ordni oħra kienet li l-armi kollha għandhom jinqerdu.

Il-kawża saret quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport