Raġel ta’ 45 sena li nstab ħati li kkorrompa tifla ta’ seba’ snin waqt li kienet qiegħda tilgħab noli ma’ ħuha fil-bandli tal-Fgura kien ikkundannat seba’ snin ħabs.
Louis Calleja nstab ħati wkoll li espona lilu nnifsu b’mod indiċenti quddiem it-tifla, li offenda l-morali u d-diċenza pubblika u li kiser ordni ta’ probation. Huwa iżda ma nstabx ħati li kellu sikkina u arma tan-nar fil-pussess tiegħu.
L-Ispettur Antonello Magri xehed fil-Qorti kif nhar is-27 t’Ottubru 2023, omm it-tifla marret tagħmel rapport fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid. Hija kienet allegat li binha ta’ ħames snin u bintha ta’ seba’ snin kienu qed jilgħabu f’bandli fil-Fgura meta allegatament raġel, li kellu basket isfar, resaq lejn bintha u għamel avvanzi sesswali. Xehed ukoll li t-tifla kienet qalet lil ommha li r-raġel kien ħareġ il-parti privata tiegħu.
Fl-investigazzjonijiet tagħha, il-Pulizija ġabret filmati tas-CCTV fiż-żona u ġie identifikat l-imputat. Wara li kien arrestat, Calleja qal lill-pulizija li huwa kien ra lit-tifla fil-bandli u mar biex jaqflilha l-lazz taż-żarbun iżda ċaħad l-allegazzjonijiet li kienu saru fil-konfront tiegħu.
Fil-Qorti ħareġ li fil-filmati ma dehrux armi u minn tfittxija li saret fir-residenza tal-imputat, ma kinux instabu armi.
Fix-xhieda tagħha, it-tifla qalet li kienet qiegħda tilgħab noli ma’ ħuha u tifel ieħor. Qalet li meta kienet qed tistaħba, raġel beda jsegwiha u ssuġġerielha biex tistaħba f’post partikolari. Allegat li mbagħad huwa neża’ l-qalziet u qalilha biex tmisslu l-parti privata tiegħu. It-tifla telqet tiġri minn fejn kienet u marret tgħid b’dak li ġara lil ommha.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, qalet li l-każ jistrieħ fuq il-kredibbiltà tat-tifla. Stqarret li minkejja li t-tifla għadha żgħira, tidher li hi intelliġenti u konxji dwar l-importanza li tgħid il-verità.
Il-Qorti osservat li l-vittma kienet konsistenti kemm fix-xhieda tagħha fl-inkjesta u anke quddiem il-Qorti. Waqt li rrikonoxxiet li kien hemm dubji serji dwar jekk l-imputat kienx qed iġorr armi, il-Qorti qalet li fuq il-bqija ma kienx hemm dubji.
Minn analiżi tad-data tal-mobile tal-imputat, irriżulta wkoll li l-imputat kien fittex materjal indiċenti u abbuż sesswali fuq it-tfal, b’mod partikolari bniet adoloxxenti. Il-Qorti qalet li l-imputat ma ħax l-għajnuna biex jegħleb din il-problema.
Filwaqt li m’emmnitx dak li qal l-imputat, li kulma ried hu li joqgħod bilqiegħda fuq bank, il-Qorti qieset il-verżjoni tat-tifla bħala waħda kredibbli. Kien għalhekk li sabitu ħati li kkorrompa lit-tifla, offenda l-morali pubbliċi, li kiser ordni ta’ probation u li sar reċediv.
Calleja kien ikkundannat seba’ snin priġunerija u tpoġġa taħt ordni ta’ trattament għal ħames snin. Il-Qorti ordnat ukoll biex it-tliet snin probation li kellu l-imputat, terġa’ tibda mill-bidu, filwaqt li ħarġet ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittma.
Ma’ dan, il-Qorti ordnat lir-raġel biex ma jiħux sehem f’attivitajiet li jinvolvu lit-tfal u li ismu jitniżżel fuq ir-reġistru tal-pedofli. Huwa ġie ordnat biex iħallas €8,557 fi spejjeż tal-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Jurgen Dalli u Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Antonello Magri u Wayne Buhagiar.
L-Avukati Joe u Michaela Giglio dehru għall-imputat filwaqt li l-Avukati Herman Mula u Silvan Pulis dehru għall-vittma.

