Aboubaker Diakite mill-Mali ta’ 34 sena, ġie kkundannat seba’ snin ħabs wara li ammetta li kien ġa sehem f’att ta’ ħruq u ħsara volontarja f’inċident li seħħ fl-2022 fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Far, li ħalla aktar minn 20 persuna li kienu fil-binja jbatu minn problemi tan-nifs respiratorju tad-duħħan.
L-imputat wieġeb ħati li fost l-oħrajn qabbad sodda fi Blokk D nhar il-5 ta’ Mejju 2022, billi uża materjal fjammabbli. In-nar kien ħoloq sitwazzjoni ta’ periklu kbir minħabba li l-bibien kollha tal-binja kienu msakkra biex ma jaħarbux id-detenuti. Aktar minn 20 persuna – fosthom Diakite nnifsu – kellhom jittieħdu Mater Dei għall-kura.
Ftit qabel beda l-każ, Maria Dolores Mallia – Uffiċjal tas-Servizzi ta’ Detenzjoni- kienet semgħet lill-imputat jgħajjat minn tieqa qabel ma tefa’ mopp barra u beda jhedded bi kliem – “inpattijilkom”.
Id-detenur l-ieħor Ali Mohamed Ali ra l-att u intervjena, irnexxielu jaħtaf il-lajter minn għand l-imputat biex iwaqqfu milli jqabbad aktar sodod, u kien hawn li l-imputat beda jkisser diversi oġġetti fil-kamra tal-banju, fosthom pajp tal-ilma, u kkawża aktar ħsara.
David Borg Saydon – Espert tal-Qorti – qal fix-xhieda tiegħu li l-konsegwenzi setgħu kienu ferm aktar gravi, waqt li l-espert ieħor, l-Avukat Lennox Vella, ivvaluta l-ħsara għal €5,370.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, laqgħa l-ftehim li sar bejn id-difiża u l-Prosekuzzjoni u kkundanna lil Diakite għal seba’ snin ħabs.
Hu ġie wkoll ordnat iħallas l-ispejjeż tal-esperti tal-qorti li jammontaw għal €1,857.19 fi żmien sena, inkella dawn jiġu kkonvertiti f’ħabs addizzjonali.


