Wednesday, December 18, 2024

Seba’ snin u nofs ħabs wara li hedded li joqtol lill-PM Spanjol

Aqra wkoll

Raġel ġie kkundannat seba’ snin u nofs ħabs talli hedded li joqtol lill-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez. Manuel Murillo Sanchez instab ħati mill-Qorti Nazzjonali ta’ Spanja li lesta biex iwettaq reati ta’ qtil u li kellu fil-pussess tiegħu armi illegali.

L-eks gwardjan tas-sigurtà ta’ 65 sena minn Tarrasa ġie arrestat fl-2018 wara li għamel din it-theddida fi grupp tal-WhatsApp meta kien offra li jaġixxi ta’ “sniper” u “jikkaċċja” lill-PM Spanjol “bħaċ-ċriev”.

L-akkużat għamel dan il-kumment wara li l-gvern Spanjol kien ordna li l-fdalijiet tal-eks dittatur Francisco Franco jiġu maqlugħa u midfuna f;ċimiterju ieħor.

Il-Qorti ċaħdet id-difiża ta’ Murillo Snachez li kien xurban meta bagħat il-messaġġi WhatsApp u kkundannatu sentejn u nofs ħabs għal attentat ta’ qtil.

Huwa ngħata wkoll sentenza ta’ ħames snin talli kellu fil-pussess tiegħu armi illegali u pprojbit milli jkollu xi arma tan-nar għal tmien snin. 

Il-fdalijiet tal-eks dittatur Spanjol Francisco Franco kienu tneħħew f’ċimiterju fil-periferija ta’ Madrid f’Ottubru 2019, li qanqal rabja minn gruppi tal-lemin estrem fi Spanja.

Fi grupp WhatsApp, Murillo Sanchez kien allegatament qal lil sħabu li huwa kien “sniper b’mira preċiża” u li seta’ jimmira lejn il-Prim Ministru Sanchez.

“Ma nistgħux inħalluhom jumiljaw lill-Generalissimo Francisco Franco… Jekk meħtieġ, immur armat u noqgħod fuq il-qabar ta’ Franco, u jekk jersqu qrib, nispara”, huwa kien kiteb.

Il-Qorti qalet li d-“determinazzjoni” tar-raġel u n-numru ta’ armi maqbuda mingħandu juru “livell għoli ta’ periklu” anke jekk ma kienx għamel pjanijiet speċifiċi biex joqtol lill-PM Spanjol.

Il-Qorti nnutat ukoll li l-akkużat kien ripetutament esprima l-intenzjoni tiegħu li joqtol lill-president tal-gvern biex iġib bidla fis-sitwazzjoni politika Spanjola.

Ekonomija

Sport