Monday, October 20, 2025

SEBAT IJIEM LEAVE GĦAL ĠENITURI LI JKUNU TILFU LIL ULIEDHOM MINURI 

Aqra wkoll

Mill-1 ta’ Jannar li ġej se tidħol fis-seħħ miżura oħra soċjali fejn ġenituri li jkun tilfu lil uliedhom minuri se jkunu intitolati għal sebat ijiem leave mħallsa mill-Gvern skont ir-rata tal-paga tiegħu. Dan il-leave se japplika għal kulħadd – ħaddiema full-time, part-time u ġenituri li jaħdmu għal rashom (self employed). 

Dawk li jaħdmu part-time se jibbenefikaw minn dan il-leave pro-rata filwaqt li dawk li huma self employed se jitħallsu bir-rata tal-median wage (bejn wieħed u ieħor id-doppju tal-paga minima nazzjonali). Dan il-leave se japplika wkoll għal kull koppja jew ġenituri tal-istess sess.

Id-dettalji dwar din il-miżura ngħataw mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega kif din iż-żieda fil-ġranet tal-leave għal ġenituri li jgħaddu minn din iċ-ċirkostanza se titħallas kollha kemm hi mill-Gvern u b’hekk mhux se jintefa’ piż fuq min iħaddem. 

Is-Segretarju Parlamentari spjega li sal-lum, il-liġi Maltija toffri biss ġurnata jew tnejn ta’ bereavement leave għal min jitlef lil xi ħadd inkluż lil uliedu. 

Filwaqt li spjega li dan il-leave issa se jkun qed jiġi estiż mill-bidu tas-sena d-dieħla, Dr Ellul għamilha ċara wkoll li l-ebda ammont ta’ leave ma jista’ qatt iħassar l-uġigħ li jgħaddu minnu ġenituri meta jitilfu t-tifel jew tifla tagħhom. “Dan in-niket ċertament ma jmut qatt.”

“Li qed nagħmlu huwa li nagħtu ftit spazju lil dawn il-ġenituri biex jifhmu din ir-realtà, biex ikunu ma’ dawk l-eqreb tagħhom u sabiex isellmu l-memorja ta’ dawk l-anġli. Dan hu l-qofol ta’ din il-miżura li qed nintroduċu,” tenna s-Segretarju Parlamentari Ellul. 

Bħala medja, fl-aħħar 10 snin, ġewwa pajjiżna kien hemm mat-30 każ fis-sena fejn ġenituri tilfu lil uliedhom minuri. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport