Sunday, December 22, 2024

Sebat itfal fost 13 maqtulin fi sparatura fi skola fir-Russja

Aqra wkoll

Mill-inqas 13-il persuna mietu u mal-21 oħra ndarbu waqt sparatura fi skola fiċ-ċentru tar-Russja.

Il-vittmi jinkludu sebat itfal fi skola ta’ madwar 1,000 student fil-belt ta’ Izhevsk.

Skont rapporti, l-aggressur allegatament qatel lilu nnifsu wara l-attakk u s’issa għadu mhux magħruf il-motiv warajh.   

Fil-midja Russa nxterdu numru ta’ filmati li juru paniku fil-binja fejn seħħet l-isparatura. Xi filmati saħansitra juru demm fl-art ta’ klassi u ħġieġ tat-twieqi mkisser, bi tfal jistaħbew taħt l-imwejjed.

Skont l-uffiċjali Russi nqatlu sebat itfal u sitt adulti, fosthom żewġ gwardjani tas-sigurtà u żewġ għalliema. 

MP lokali qal li l-aggressur kien armat b’żewġ pistoli u li s’issa għadu ma ġiex identifikat.

Filmat li tpoġġa online mill-kumitat investigattiv juri lill-aggressur mixħut għal mejjet mal-art liebes flokk b’simbolu Nażista u balaklava.

Aktar tard il-Kap tar-reġjun ħabbat li se jkun qiegħed jiġi osservat perjodu ta’ luttu sad-29 ta’ Settembru.

L-iskola tinsab fiċ-ċentru ta’ Izhevsk, belt ta’ madwar 650,000 resident, biswit bini ċentrali tal-gvern.

Ekonomija

Sport