Friday, November 22, 2024

Sebgħa mejta u 144 oħra midruba wara attakk fuq teatru fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Seba’ persuni, inkluż tifla ta’ seba’ snin, inqatlu meta s-Sibt li għadda missila Russa laqtet teatru fil-belt ta’ Chernihiv, fit-Tramuntana tal-Ukrajna.

Il-Ministeru tal-Intern tal-Ukrajna qal li fost il-midruba, li jammontaw għal 144, hemm 15-il tifel u tifla. Minn tal-inqas 25 persuna kellhom jiddaħħlu l-isptar għall-kura.

Il-Ministeru żied jgħid li fost il-vittmi kien hemm persuni li kienu qed jiċċelebraw il-festa Kristjana Ortodossa ġewwa l-knisja. F’dan l-attakk ġew irrapportati wkoll ħsarat ukoll fi pjazza ewlenija u fil-bini ta’ università.

In-Nazzjonijiet Uniti sejjaħ l-attakk bħala wieħed “faħxi” filwaqt li l-President Ukren Volodymyr Zelensky wiegħed rispons b’saħħtu mis-suldati Ukreni għal dak li ddeskrivieh bħala “attakk terroristiku.”

Chernihiv jinsab madwar 50 kilometru bogħod mill-fruntiera mal-Belarus. Dan il-post kien assedjat mir-Russja fil-bidu tal-invażjoni.

L-aġent Sindku ta’ Chernihiv Oleksandr Lomako qal: “Nifhem li fil-mira tagħhom kien hemm l-avveniment militari li kien qed isir f’dan it-teatru. Iżda huwa ċar li r-Russi li qed iniedu dawk il-missili u dawk li tawhom l-ordnijiet indunaw li l-vittmi se jkunu primarjament ċivili.”

“M’hemm l-ebda mod ieħor biex tinterpretaha ħlief delitt tal-gwerra kontra l-persuni ċivili, delitt ieħor tal-gwerra mir-Russja,” huwa żied jgħid.

Sport