Wednesday, October 22, 2025

Sebgħin sena mit-twaqqif ta’ Ta’ Giorni Wolves Football Club

Aqra wkoll

Kienet is-sena 1955 meta Joe Sillato, żagħżugħ minn San Ġiljan, iddeċieda li jifforma tim tal-futbol flimkien ma’ żgħażagħ ohra minn naħat ta’ Ta’ Giorni ġewwa San Giljan. Dan it-tim ingħata l-isem ta’ Ta’ Giorni Wolves għaliex Joe Sillato kien partitarju tal-Wolves tal-Ingilterra. Minn hawn ġie ffurmat kumitat fejn kienu jiltaqgħu f’kamra żgħira ġo għalqa fejn hemm illum il-housing estate u din l-istess għalqa kienet tintuża bħala grawnd. Il-lasti kienu zkuk u l-mimduda kienet tal-ħabel.

Kien biss xi sentejn wara li nxtraw serratizzi li kienu jintramaw fuq il-post. Minn hemm saret ġabra bejn il-membri u b’dawk il-flus inxtraw sett flokkijiet ħomor li kienu jużaw is-suldati.

Minn hawn il-kumitat ħabrieki beda jorganizza logħob kontra timijiet mill-akkwati (Sliema, Gżira u San Ġwann) fejn kienu jiġu involuti Tazzi għar-rebbieħa. Hawnhekk it-tim ta’ Ta’ Giorni qatt ma naqas milli jirbaħ xi wahda.

Il-kumitat dejjem kien johlom li xi darba jkollu il-post adekwat minn fejn jopera. Beda jintuza Ta’ Giorni Bar bħala post fejn jiltaqgħu, iżda inħass li l-klabb għandu jkollu l-post tiegħu li reġa sab  ruħu f’kamra żgħira li lanqas il-plejers kollha ma kienu joqgħodu f’daqqa. Il-klabb beda jieħu sehem f’kompetizzjonijiet tal-I.A.S.C. fejn dam sal-1968.

Fl-1971 saret il-qabża ta’ kwalitá għax il-klabb sab post li kien jixraqlu fejn għadu sal-lum il-ġurnata. Ġo dan il-post kien hemm bżonn ta’ xogħol li sar mill-fundatur Joe Sillato u l-membri kollha tal-kumitat fejn wara li tlesta x-xogħol inqatgħet iż-żigarella minn Joe Sillato u l-ewwel president Saviour Sammut biex sar il-ftuħ uffiċjali tal-klabb.

Minn hawn il-klabb qatt ma ħares lura fejn kien jieħu sehem f’diversi kompetizzjonijiet tal-futbol fosthom A.S.C.C. , I.A.S.C. ,M.A.F.A. ,S.S.A. u iktar riċenti Swan League.

Fis-snin 70 il-klabb ħareġ barra minn pajjiżna, eżatt ġewwa Catania fejn lagħab kontra timijiet ta’ Acireale, b’rebħa ta 3-2 u kontra selezzjoni Sależjana b’rebħa oħra ta’ 4-1. F’Marzu fl-1978  il-klabb ivvjaġġa lejn Ruma fejn hawnhekk intlagħbu żewġ loghbiet kontra Roma Hotels b’rebħa ta 4-1 u kontra Nardo b’rebħa oħra ta 8-2.

F’Diċembru tal-1981 il-klabb ġie mistieden mill-MFA, flimkien ma’ klabbs oħra, biex jieħdu sehem fl-inawgurazzjoni tal-iStadium Nazzjonali ġewwa Ta’ Qali. Kien unur għall-klabb li ħa sehem f’din l-attivitá.

Għal żminijiet il-klabb kien impenjat f’logħbiet kontra selezzjonijiet tal-bastimenti navali Ingliżi li kienu jżuru Malta fostom HMS London u HMS Ark Royal fejn uffiċjali Ingliżi ippreżentaw plakek ta’ tifkira lill-klabb.

Fil-kumitat kien jinħass il-preżenza tal-mibkija Tarcisio Delia u Freddie Sammut bil-karattru ferrieħi tagħhom. Wara reġistrazzjoni ta’ numru ta’ plejers ġodda, il-kumitat ħass li għandu jiġi ffurmat tim tal-futbol ieħor, li kellu jilgħab fil-I.A.S.C. waqt li t-tim principali jibqa’ jilgħab f’S.S.A.

Tul dawn iż-żminijiet il-klabb tilef numru ta’ nies importanti, min bl-etá u min ħalla din id-dinja, li kienu ta’ spalla għall-fundatur Joe Sillato.

Fit-12 ta Lulju 1997, il-klabb sofra minn ħruq estensiv li kważi inqered għal kollox. Iżda bis-saħħa tal-membri, plejers  u benefatturi u tan-nies ġirien, il-klabb reġa’ nfetaħ wara biss tmien ġimgħat.

Fis-sena 2005, il-klabb laħaq data importanti fejn ġie ċċelebrat il-50 sena minn meta twaqqaf. Saru bosta attivitajiet fosthom riċeviment kbir u sar festiħ ghat-tfal tal-Orsolini.

Dawn l-aħħar snin kienu diffiċli biex nagħqdu tim tal-futbol iżda bis-saħħa tal-president il-ġdid Adrian Delia irnexxielna ndaħħlu tim ġo kampjonat tal-8-a-side.

Paul Sillato xtaq jirringrazzja lill-membri tal-kumitat, lill-presidenti onorarji u mhux inqas lill-fundatur Joe Sillato li għadu attiv.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport