Seduta dwar freezing orders fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u numru ta’ persuni oħra b’rabta mal-inkjesta Vitals kellha tiġi differita għal ħames xhur oħra wara li l-Pulizija reġgħu għal darba oħra informaw lill-Qorti li baqgħu ma sabux lill-espert ewlieni fl-inkjesta, Jeremy Harbinson.
Fil-bidu tas-seduta, quddiem l-Imħallef Edwin Grima, is-Supretendent Mario Cuschieri mill-Korp tal-pulizija, qal li l-isforzi biex jinstab Harbinson għadhom għaddejjin bl-għajnuna tal-Interpol iżda sa issa m’għandhom ebda informazzjoni li tindika fejn jista’ jkun u għalhekk baqgħu ma sabuhx.
L-Avukat Vince Galea li qed jidher għal Dr Muscat qal li d-difiża għandha bżonn ix-xhieda kemm ta’ Harbinson u wkoll ta’ xhieda oħra li l-Qorti ma tistax issib għaliex lanqas għandha indirizz fejn tagħmel kuntatt magħhom.
L-Avukat Stephen Tonna Lowell qal li dwar akkużi b’rabta ma’ ftit eluf ta’ ewro nħarġu freezing orders ta’ miljuni kbar ta’ ewro. Sahħaq li dan huwa abbuż u sejjaħ dawn il-freezing orders bħala stupidi u assurdi.
L-Avukat Tonna Lowell qal li jekk Harbinson ma jistax jinstab, għandu jitwarrab. L-Avukat Edward Gatt qal li huwa ovvju għal kulħadd li l-ammonti tal-freezing orders inħadmu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Imħallef Grima talbet lill-Avukati tad-Difiża jidderieġu lill-Qorti dwar kif l-affarijiet se jimxu ’l quddiem. Irrimarkat li l-proċeduri f’din il-kawża suppost li nqatgħu f’sebat ijiem izda minflok sal-lum kollox għadu jdur fl-istess ċirku. Qalet li l-esperti li xehdu quddiemha kollha qalu li meta ħadmu fuq l-inkjesta, m’għamlux dan b’xi freezing order f’moħħhom. Dwar Harbinson irrimarkat kif anki l-mara tiegħu ntalbet tidher quddiem il-Qorti iżda m’għamlitx hekk, ġiet immultata iżda kollox baqa’ f’wiċċ il-Qorti.
L-Avukat Gatt talab lill-Imħallef tagħti deċiżjoni dwar jekk il-Qorti hiex tqis lil Harbinson bħala xhud tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jew jekk hux se tqis l-ezami li se jsirlu mid-difiża bħala kontro-eżami.
Fid-dawl tal-fatt li Harbinson baqa’ ma nstabx, l-Imħallef Grima qalet li għalkemm tifhem is-sitwazzjoni sfortunata ta’ dawk li fetħu l-kawża biex jikkontestaw il-freezing orders, madankollu tqis li jkun inutli jsiru seduti b’ħela ta’ ħin u riżorsi għal kulħadd. Ghaldaqstant is-seduta ġiet differita għal ħames xhur oħra, fis-16 ta’ Settembru. L-Imhallef qalet li jekk qabel din id-data tkun informata mill-pulizija li Harbinson instab, id-data tas-seduta li jmiss tinbidel.
L-Avukat Vince Galea qal li huwa mhux jaqbel li s-seduta li jmiss iddum ma ssir sa Settembru u żied li qed jirriserva d-drittijiet kostituzzjonali tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

