Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Ifhimni, jien tifel minn qiegħ il-Belt jiġifieri minn mindu kont żgħir kont fil-futbol, nilgħab fit-triq. Bdejt nursery mal-Belt meta kelli erba’ snin, u minn dejjem bqajt u għadni nħobb il-futbol.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq it-tragward tat-300 partita uffiċjali fil-karriera tiegħek li lħaqt riċentement?
Kuntent ħafna li rnexxieli nilgħab dan il-logħob kollu u nilħaq dan it-tragward, apparti t-300 partita iltqajt ma’ ħafna nies u plejers tajbin li dan huwa ta’ sodisfazzjon u unur waqt il-karriera tiegħi.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Msida SJ FC.
L-Imsida mhuwiex biss klabb … l-Imsida hija familja u l-esperjenza tiegħi bħalissa magħhom hija waħda mill-aqwa li kelli fil-karriera tiegħi mhux biss għax għandhom storja fil-futbol Malti, imma huma nies li jħobbu l-klabb, jistmawk u jgħinuk f’kollox, apparti l-grupp impekkabli ta’ plejers li hawn dis-sena li jżommuk iffukat u mħeġġeġ biex kuljum tittrenja u tagħti kollox għat-tragward li nixtiequ.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
It-tim beda bla ebda pressjoni, bla ebda skop li ngħidu bilfors irridu nitilgħu, speċjalment wara t-telfa tal-mibki president is-Sur Robert Farrugia, imma l- president attwali Jesmond Abela wettaq xogħol tajjeb flimkien mal-kumitat u kowċis li ffurmajna familja u bdew ġejjin riżultati tajbin u attwalment qegħdin niġġieldu għall-promozzjoni.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Kif għidt qabel, illum il-ġurnata ngħidlek li t-tragward tagħna huwa l-promozzjoni.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell tal-futbol Malti kif narah jien kiber fid-diviżjonijiet ta’ isfel għaliex l-plejers speċjalment Maltin mhumiex isibu ħafna spazju fil-Malta Premier, allura jagħmlu l-pass li jilagħbu u jinżlu fid-divizjoniet t’isfel.
Fl-opinjoni tiegħi mingħajr ma niġġeneralizza qabel kien hawn plejers barranin ħafna ta’ stoffa u f’kull tim il- barranin kienu jkunu ta’ livell u l-plejer Malti kien jitgħallem ħafna mingħand dawn it-tip ta’ plejers u l-livell jogħla waħdu.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ovvjament ir-riżorsi illum il-ġurnata kibru ħafna anke bħala grawnds dejjem jitjiebu. Ovvjament dejjem ikun hemm fuq xiex taħdem imma mexjin fit-triq it-tajba u nibqa’ nispera li tibqa’ ssir emfażi biex il-faċilitajiet u l-grawnds u r-riżorsi jibqgħu jitjiebu, speċjalment minħabba s-saħħa tal-plejers.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Ifhem, il-futbol joħodlok il-ħin u impenn, imma diment li tibqa’ tagħtini s-saħħa u nkun għadni f’pożizzjoni li nibqa’ nagħti l-għajnuna u l-impenn totali tiegħi, jien nibqa’ nilgħab din il-logħba sabiħa tal-futbol. Il-futbol huwa parti kbira minn ħajti wara l-familja tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi għal min jixtieq jagħmel karriera fil-futbol huwa dan: taqta’ qalbek qatt, tħallix lil min jaqtagħlek qalbek, segwi l-ħolm tiegħek u kun persistenti għal dak li trid … jekk tkun lest li tagħmel is-sagrifiċċji tirnexxi u tasal!

