Operazzjoni ta’ 15-il siegħa mill-uffiċjali tad-Dwana rriżultat f’sejba ta’ aktar minn 217,000 sigarett tal-kuntrabandu fiż-Żurrieq u l-Imqabba. Flimkien ma’ dawn instabu wkoll 84 pakkett ta’ tabakk, bit-taxxi jammontaw għal aktar minn €51,000.
L-operazzjoni bdiet lbieraħ filgħodu meta uffiċjali tal-Infurzar għamlu tfittxija f’vann li deher ta’ suspett fiż-Żurrieq. Hemmhekk ġew elevati 100,000 sigarett tal-kuntrabandu. Tfittxija oħra li saret fir-residenza ta’ sid il-vann fl-Imqabba, bl-uffiċjali jagħmlu sejba oħra ta’ 140 sigarett.
Aktar tard, b’għajnuna tal-Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi, saru żewġ tfittxijiet oħra f’residenzi fis-Swieqi u fiż-Żurrieq. It-tfittxija fis-Swieqi rriżultat fin-negattiv filwaqt li fir-residenza l-oħra nstabu 117,320 sigarett ieħor u 84 pakkett tat-tabbakk fis-saqaf u f’partijiet oħra tad-dar.
Żewġt irġiel qed jinżammu arrestati b’rabta ma’ din is-sejba.