Ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Istati Uniti saħqu fuq il-bżonn urġenti li tkun imħarsa s-sigurtà tal-impjanti nukleari li jinsabu mhedda bil-kunflitt ġewwa l-Ukrajna.
F’telefonata li dawn il-mexxejja kellhom bejniethom, huma reġgħu wrew l-appoġġ tagħhom lejn l-Ukrajna kontra l-invażjoni Russa. Moska u Kiev qed jakkużaw lil xulxin b’bumbardamenti qrib l-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia li fil-preżent jinsab f’idejn ir-Russi. Dan qiegħed inissel tħassib kbir li jista’ jiġi kkawżat diżastru nukleari.
Intant, il-President Russu Volodymyr Zelensky ħeġġeġ lill-Ukreni biex jibqgħu viġilanti hekk kif fi ftit tal-jiem oħra dan il-pajjiż se jkun qiegħed ifakkar Jum l-Indipendeza. Fid-diskors tiegħu Zelensky qal li f’dan il-jum, “ir-Russja tista’ tipprova xi ħaġa partikolarment diżgustanti, u krudili… wieħed mill-objettivi tal-għadu [il-gvern Russu] hu li jumiljana… irridu nibqgħu b’saħħitna u nirreżistu kull provokazzjoni.” L-Ukrajna tfakkar l-indipendenza fl-24 ta’ Awwissu, u din is-sena se jkun qiegħed jaħbat sitt xhur wara li bdiet l-invażjoni Russa.
F’conference call li seħħet matul tmiem il-ġimgħa li għadda, Boris Johnson, Joe Biden, Emmanuel Macron u l-Kanċillier Olaf Scholz ħeġġew li jkun hemm tnaqqis militari qrib l-impjant ta’ Zaporizhzhia fin-Nofsinhar tal-Ukrajna, hekk kif inċident f’din iż-żona jista’ jwassal għal diżastru li jkun ikbar minn dak ta’ Chernobyul li seħħ fl-1986. Min-naħa tagħhom dawn il-mexxejja laqgħu dak li ppropona l-mexxej Russu Vladimir Putin fejn dan qal li huwa lest li jippermetti li esperti tan-Nazzjonijiet Uniti jżuru dan l-impjant.
Fl-aħħar sigħat l-Ukrajna rrapportat diversi attakki b’missili min-naħa tar-Russja, partikolarment dawk ġewwa d-distrett ta’ Nikopol li jinsab qrib ħafna l-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia.