Monday, December 1, 2025

Sejħa għal proġetti mill-għaqdiet volontarji dwar il-vjolenza domestika

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg nediet it-tieni edizzjoni tal-programm Together We Empower bħala parti mill-kampanja tas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

Il-Programm b’fond ta’ mitt elf ewro ser jitmexxa mill-Kummissjoni Nazzjonali dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika li qiegħda tistieden għaqdiet volontarji biex iressqu ideat tagħhom għal proġetti fil-komunità biex jitwettqu s-sena d-dieħla.

Kull proġett jista’ jikkwalifika għal għajnuna sa għaxart elef ewro u jrid isir skont il-linji gwida tal-kummissjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li din t-tieni edizzjoni ta’ dan il-programm jibni fuq l-esperjenza ta’ din is-sena meta saru disa’ proġetti li trattaw diversi aspetti mit-taħriġ, wirjiet artistiċi, riċerka tematika, workshops u pubblikazzjoni għat-tfal dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza domestika.

Hija ħeġġet biex l-għaqdiet volontarji jkunu kreattivi fil-proposti tagħhom li għandhom jirriflettu t-tema tal-kampanja ta’ din is-sena, “Għandha  Ħolma: Futur mingħajr Vjolenza” kif ukoll il-miri tat-tielet strateġija nazzjonali kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan saħqet dwar l-importanza li niġbdu ħabel wieħed fl-interess ta’ dawk kollha li qegħdin jesperjenzaw il-vjolenza għaliex bl-isforzi kollettivi nkomplu nkissru l-istigma biex vittmi jersqu ’l quddiem u jfittxu l-għajnuna.

Hija qalet li l-proġetti proposti għandhom jinkorporaw prinċipji u prijoritajiet orizzontali bħal inklużjoni u ugwaljanza, parteċipazzjoni u tisħiħ ċiviku, sostenibbiltà, innovazzjoni soċjali u kollaborazzjoni bejn għaqdiet mhux governattivi, entitajiet pubbliċi jew organizzazzjonijiet privati.

Għal dan il-programm ġie allokat fond ta’ €100,000 u kull proġett jista’ jirċievi bejn €5,000 u €10,000, b’kontribuzzjoni ta’ 20% kofinanzjament mill-għaqda li tapplika għal proġett. L-applikazzjonijiet jagħlqu fit-28 ta’ Frar 2026 f’nofsinhar. Il-linji gwida u l-applikazzjoni huma disponibbli fuq is-sit tal-Kummissjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport