Nhar il-31 t’Ottubru, id-dar ta’ Little Sisters of the Poor tal-Ħamrun ser timtela’ bil-ferħ tal-festa tal-Qaddisin kollha.
Għat-tieni sena, l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun qed tistieden tfal u adoloxxenti jingħaqdu magħhom sabiex jilbsu tal-qaddis/a favorit tagħhom u jżuru r-residenti ta’ din id-dar. M’hemmx bżonn li wieħed jonfoq ħafna flus – tunika sempliċi, salib u karta bl-isem tal-qaddis ikun biżżejjed.
Fl-10:00 a.m. it-tfal flimkien mal-ġenituri u kuraturi kustodji se jinġabru quddiem il-knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni biex flimkien jinżlu għand il-Little Sisters of the Poor li qegħdin ħdejn l-għassa. Fl-10:30 a.m., fil-kappella tar-residenza, se ssir quddiesa minn Fr. Franco Fenech. It-tfal se jkollhom l-opportunita li jitkellmu dwar il-qaddis/a li huma jkunu lebsin għalih. Wara l-quddiesa se jitqassmu labti tal-Madonna mit-tfal qaddisin. Dawk it-tfal li ma jixtiequx jilbsu kostum, jiġu xorta waħda b’ilbies normali. F’kas ta’ maltemp, jiltaqgħu mal-ewwel fir-residenza għall-ħabta tal-10.15 a.m. Se tingħata xi ħaġa tal-ħelu lit-tfal. Il-ġenituri jistgħu jakkumpanjaw lit-tfal.
Mistiedna speċjali għal din l-okkazzjoni huma l-grupp teatrali Maskarti fejn se jtellgħu tlett sketches umoristiċi li joħduna madwar postijiet differenti u ilaqqgħuna ukoll ma’ karattri varjati fosthom Wenzu u Rożi. L-atturi taħt id-direzzjoni tas-Sur Justin Farrugia se jkunu qed inisslu tbissima permezz ta’ dawn il-karattri. Id-duo Ellie & Julia se jkantaw kanzunetti Maltin bħal ‘Fit-Tieġ tan-Neputija’, li għandha post speċjali f’ħajjithom peress li għenithom isiru magħrufa u kisbu diversi suċċessi biha.
Min hu nteressat jista’ jċempel fuq 77051771 jew jikuntatja l-għaqda fuq il-paġna ta’ Facebook ‘Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun A.D. 1979’. Bħas-soltu l-parkeġġ huwa offrut bla ħlas fl-ex Liceo.

