Friday, October 25, 2024

Sejħa konġunta minn sitt Kapijiet ta’ Stat dwar l-emerġenza tal-klima fil-Mediterran

Aqra wkoll

“Kif mistenni, il-kriżi tal-klima waslet u laħqet proporzjonijiet devastanti, tant li issa qed jissemma stat ta’ emerġenza klimatika”.

Dan intqal f’dikjarazzjoni ffirmata mill-President ta’ Malta, George Vella, flimkien ma’ ħames Kapijiet ta’ Stat ta’ pajjiżi fil-Mediterran: il-President tal-Kroazja Zoran Milanović, il-President tal-Greċja Katerina Sakellaropoulou, il-President tal-Portugall Marcelo Rebelo de Sousa, il-President tas-Slovenja Nataša Pirc Musar u l-President tal-Italja (Sergio Mattarella).

Is-sitt Kapijiet, ilkoll membri tal-grupp Arraiolos, ħarġu dikjarazzjoni konġunta dwar l-emerġenza tal-klima li fiha qed jappellaw għal azzjoni urġenti u effettiva dwar it-tibdil fil-klima fir-reġjun.

“Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-aħħar ta’ Lulju ddeskriva l-kriżi attwali bħala li d-dinja mhix qiegħda tisħon imma qiegħda tagħli. L-effetti tagħha jidhru b’mod speċjali fir-reġjun tagħna, il-Mediterran, li qed jiġi affettwat b’mod sever u li jinsab f’riskju immedjat mhux biss ta’ nuqqas ta’ ilma u elettriku, iżda anki riskju ta’ għargħar, mewġiet mifruxa ta’ sħana, nirien u deżertifikazzjoni. Il-fenomeni naturali estremi qegħdin jeqirdu l-ekosistema u jheddu l-ħajja tagħna ta’ kuljum, il-mod kif aħna ngħixu,” sostnew il-mexxejja.

Huma saħqu li issa dik il-kriżi tant gravat li wasalna f’punt kruċjali; punt li fih jeħtieġ tittieħed azzjoni u jittieħdu inizjattivi effettivi urġenti: “Jeħtieġ li l-pajjiżi kollha tal-Mediterran jikkoordinaw flimkien u jirreaġixxu, jibdew sforz kollettiv biex iwaqqfu u jreġġgħu lura l-effetti tal-kriżi tal-klima”.

Il-mexxejja fakkru li huwa d-dmir ta’ kull wieħed u waħda minna li nieħdu l-azzjonijiet meħtieġa u li nadottaw politiki konkreti għal dan l-isforz. B’rabta ma’ dan qablu li jeħtieġ jiżdied l-għarfien u l-edukazzjoni fost il-poplu dwar ir-responsabbiltà ambjentali.

Huma temmew il-messaġġ tagħhom billi wiegħdu li jappoġġjaw bis-sħiħ inizjattivi ta’ azzjoni konġunta, filwaqt li appellaw lill-Unjoni Ewropea, lill-pajjiżi l-oħra tal-Mediterran u lill-komunità internazzjonali biex jagħtu prijorità lil din il-kwistjoni fl-aġenda politika tagħhom.

Sport