Monday, September 23, 2024

Sejħa oħra mill-Gvern għall-kiri ta’ appartamenti mill-privat

Aqra wkoll

Permezz tal-iskema Nikru biex Nassistu, għand il-Gvern diġà għaddew madwar 700 proprjetà li s-sidien ta’ djar battala wrew ix-xewqa li jikru l-abitazzjoni tagħhom lill-Awtorità tad-Djar.

Fil-ġranet li ġejjin se toħroġ sejħa għal mijiet ta’ appartamenti oħra li se jkunu jistgħu jintużaw biex jiżdiedu mal-istokk attwali, sabiex b’hekk ikunu megħjuna aktar nies li qegħdin fuq il-lista tal-istennija tal-Awtorità tad-Djar.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari li saritlu mill-Whip tal-Gvern Naomi Cachia.

Il-Ministru Galdes beda biex stqarr li l-mira ewlenija tal-Gvern dejjem kienet li jsaħħaħ l-istokk li għandha l-Awtorità tad-Djar biex tkompli tonqos il-lista ta’ stennija. Qal li dan isir b’żewġ metodi billi tinvesti fl-istokk u jinbnew l-appartamenti filwaqt li jissaħħaħ l-istokk neċessarju.

“Dik hi l-viżjoni tagħna li mhux biss ninvestu fl-appartamenti, fil-bini tal-proġetti, imma wkoll l-investiment marbut mal-kirjiet ta’ appartamenti mingħand il-privat, ninvestu fir-restawr filwaqt li nsaħħu l-benefiċċju tal-kera,” tenna l-Ministru Galdes.

Sport