Saturday, December 21, 2024

Sejħa qawwija għal azzjoni globali kontra l-isfidi serji li qed tiffaċċja d-dinja

- Il-PM jindirizza l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York

Aqra wkoll

“Ma nistgħux naħarbu mir-realtà li d-dinja tagħna qed tiffaċċja l-aktar sfidi gravi u li l-popolazzjonijiet ta’ wisq minn dawn in-Nazzjonijiet Uniti jiffaċċjaw l-akbar perikli. Il-gravità ta’ dak it-theddid hija li aħna bħala mexxejja minn madwar id-dinja qed niffaċċjaw għażla ta’ żewġ toroq. Nistgħu nagħżlu t-triq tad-disprament jew nistgħu nagħżlu t-triq tal-persistenza”

Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, fl-istat ta’ New York fl-Amerka, fejn irrimarka li bid-determinazzjoni, irrispettivament mill-isfidi, iridu jirduppjaw l-isforzi sabiex jintlaħqu l-isfidi u jittaffew il-perikli. Abela qal li jemmen li hemm ir-responsabbiltà morali sabiex tittieħed t-triq tal-persistenza. 

B’referenza għall-pajjiżna, Dr Abela qal li hekk kif infakkru 60 sena ta’ Malta bħala membru tan-Nazzjonijiet Uniti, il-messaġġ tiegħu huwa ċar, dak li d-dinja għandha bżonn lin-Nazzjonijiet Uniti issa aktar minn qatt qabel. Qal ukoll; “Aħna qatt mhu se nabbandunaw l-impenn tagħna li nappoġġaw il-proċessi ta’ paċi  Se nibqgħu sodi fl-appoġġ tagħna għal passi biex nibnu u nżommu l-paċi f’kull reġjun ta’ kunflitt”.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru għamel sejħa ukoll għal azzjoni globali urġenti dwar il-bidla fil-klima. Huwa enfasizza l-ħtieġa li jittieħdu passi prattiċi u innovattivi biex inżommu l-ambjent marittimu b’saħħtu. Hawn, fost l-oħrajn, għamel referenza għall-proġett ta’ suċċess li wettaq pajjiżna, dak tax-“Shore to Ship”. 

Dwar dan, il-PM spjega li biex jiġu ppreseravti ambjenti marittimi b’saħħithom, ilkoll jeħtieġ li jittieħdu passi prattiċi u innovattivi. Qal li huwa għalhekk li jinsab kuntent bis-suċċess li qed ikollha l-inizjattiva l-ġdida, dik tas-‘Shore to Ship’.

Abela temm il-messaġġ tiegħu billi irrimarka li d-dinja qed tiffaċċja sfidi kbar u theddid enormi. Sostna li jekk jintilef it-twemmin fil-ħila li ssir ħidma flimkien biex ikun hemm differenza, allura qed tintilef it-twemmin fl-idea stess ta’ dinja aħjar.

Ekonomija

Sport