Illum u għada se jintlagħbu s-semi-finali tal-FA Cup li waħda minnhom se tlaqqa’ lir-rivali għat-titlu tal-Premier League, Manchester City u Liverpool, f’konfront ieħor massiv fl-aħħar erbgħa tal-aktar kompetizzjoni antika li dan l-istaġun tinsab fil-150 sena tagħha.
Is-semi-finali l-oħra tara lil Chelsea jiffaċċjaw il-pakkett sorpriża li f’dan il-każ huma Crystal Palace f’partita bejn żewġ timijiet ta’ Londra.
Iż-żewġ logħbiet se jintlagħbu f’Wembley Stadium minkejja li għall-ewwel waħda hemm diffikultajiet tal-ivvjaġġar minħabba manutenzjoni tal-linji tal-ferrovija.
Chelsea v Crystal Palace – Chelsea jinsabu lesti li jiffaċċjaw lil Palace, li qed ifittxu t-tielet dehra konsekuttiva tagħhom fl-ispettaklu tal-FA Cup. Chelsea qed jitpoġġew bħala favoriti li jirbħu t-tazza famuża għalkemm it-tbassir għandu x’jaqsam mat-taqtiegħa mill-qrib li jinsabu fiha s-City u Liverpool minbarra l-involviment tagħhom fis-semi-finali taċ-Champions League.
It-team ta’ Thomas Tuchel elimina lit-team taċ-Championship, Middlesbrough, 2-0, fil-kwarti-finali, u mmarka l-ewwel clean sheet tagħhom f’erba’ ħarġiet tal-FA Cup dan l-istaġun.
Madankollu, ta’ min isemmi li dan se jkun l-ewwel konfront ta’ Chelsea dan l- istaġun kontra avversarji oħra mill-ogħla diviżjoni fl-FA Cup.
Sadanittant, il-Palace għelbu timijiet minn kampjonati inferjuri qabel ma kisbu rebħa ta’ 4-0 fuq Everton fil- kwarti-finali.
Il-players ta’ Patrick Vieira se jkollhom motivazzjoni biex jissuperaw lil dawk ta’ Stamford Bridge, wara li tilfu ż-żewġ laqgħat tal-Premier League bejniethom dan l-istaġun mingħajr ma skorjaw.
L-Eagles issa sofrew disa’ telfiet konsekuttivi fil-kampjonat kontra Chelsea mir-rebħa ta’ 2-1 f’darhom f’Ottubru, 2017, b’din tkun l-ewwel laqgħa tagħhom fl-FA Cup fis-seklu 21.
Man City v Liverpool– Man City u Liverpool se jmorru ras imb’ras fit-tieni semi-finali f’logħba li kulħadd irid jara tant li se tixxandar diretta fuq it-TV, meta d-domanda għal streams tal-football diretti għal din il-logħba hija għolja minħabba l-popolarità globali taż-żewġ timijiet.
Iż-żewġ naħat għaddejjin wiċċ imb’wiċċ fit-taqtiegħa għat-titlu tal-Premier League, b’punt biss qed jifridhom meta fadal seba’ logħbiet oħra għat-tmiem.
Dan għandu jaċċerta li l-partita tkun waħda tal-gdim tad-dwiefer hekk kif Pep Guardiola qed ifittex it-tieni trofew tiegħu tal-FA Cup wara t-trijonf kbir ta’ 6-0 fuq Watford fil-finali tal-2018/19.
Ir-rebħa kbira ta’ 4-1 tas-City kontra Southampton fil-kwarti-finali serviet bħala spinta għall-kunfidenza fil-kamp tal-Etihad wara żewġ logħbiet mingħajr goals kontra l-Palace u Sporting Lisbon.
Iżda li waslu Wembley se jirrikjedi li ċ-City jegħlbu lit-team fil-forma, Liverpool, li se jfittxu l-ewwel suċċess tagħhom fl-FA Cup mill-2005-06.
Il-players ta’ Jurgen Klopp qed “itiru” fl-għoli fil-Premier League, fejn rebħu l-aħħar disa’ logħbiet konsekuttivi, waqt li s’issa sabu l-kampanja tagħhom fl-FA Cup bħala mixja.
FIL-KAMPJONAT
Sadanittant, it-taqtiegħa għall-punti fil-Premier League tinsab fl-aqwa tagħha fejn erbgħa mill-ewwel seba’ timijiet se jkunu fl-azzjoni, Tottenham, Arsenal, West Ham u Manchester United, meta qed jissieltu biex jiksbu l-aħħar post fiċ-Champions League.
Min-naħa l-oħra Norwich City u Watford jinsabu ddisprati għall-punti fin-naħa t’isfel tal-klassifika għalkemm il-kawża tagħhom hija prekarja u ftit tidher li se tiġi solvuta.
Tottenham se jkunu f’darhom kontra Brighton b’dawn jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika, iżda bħalissa Spurs għaddejjin minn burdata kbira tal-goals meta skorjaw disa’ darbiet fl-aħħar żewġ logħbiet, ħamsa kontra Newcastle u erbgħa kontra Aston Villa.
Bil-Korean Heung-min Son f’forma tajba t-team ta’ Antonio Conte jista’ jersaq iktar viċin it-tielet team, Chelsea.
Anke Manchester United għandhom ċans jiksbu tliet punti meta jkunu f’Old Trafford kontra t-team tal-qiegħ, Norwich City, li ċ-ċansijiet li jibqgħu mal-kbar huma remoti meta jinsabu seba’ punti wara r-raba’ team mill-aħħar, Everton.
Il-United xejn m’huma għaddejjin tajjeb meta mill-aħħar ħames logħbiet ħadu rebħa biss, żewġ draws u sofrew żewġ telfiet.
Watford, li jinsabu qabel tal-aħħar, se jiltaqgħu ma’ Brentford f’Vicarage Road bil-Bees nistgħu ngħidu li huma salvi meta għandhom 12-il punt iktar miż-żona l-ħamra. Bla dubju Christian Eriksen qed jagħmlilhom id- differenza waqt li l-Hornets ġejjin minn rebħa fost erba’ telfiet.
Newcastle se jkunu f’St James Park biex jilqgħu lil Leicester City meta ż-żewġ timijiet jinsabu trankwilli fil-pożizzjonijiet li qed jokkupaw. Il-Foxes jinsabu fl-10 post waqt li l-Magpies għandhom 10 punti aħjar minn Burnley li jinsabu fit-18-il post.
Fil-logħba l-oħra West Ham, li qed jippruvaw jidħlu fiċ-Champions League, jistgħu jagħmlu l-ħsara lil Burnley li kisbu rebħa waħda fost erba’ telfiet mill-aħħar konfronti tagħhom waqt li l-Hammers ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Brentford.