Il-prospetti ekonomiċi għas-sena d-dieħla jidhru promettenti hekk kif minn ċifri li diġà ksibna f’din is-sena, huwa mistenni li jkun hemm aktar titjib. L-ekonomija reżiljenti u robosta ta’ Malta qiegħda ssarraf fi tkabbir tal-ġid nazzjonali. Dan ipoġġina fuq quddiemnett fost il-pajjiżi l-oħra membri tal-UE u anke ż-żona Ewro. Ir-reżiljenza, it-tisħiħ u l-progress ekonomiku qegħdin iħallu l-frott fi kwalità ta’ ħajja aħjar.
Kif rajna, il-Budget 2025 se jkompli fuq is-sisien soċjali mħaddna mill-Gvern kif ukoll għandu l-mira li jkompli jsaħħaħ l-ekonomija lokali b’aċċenn partikolari fuq is-sostenibbiltà. Fih naraw investimenti qawwija mhux biss fil-ħarsien soċjali imma wkoll fil-pilastri ekonomiċi tal-infrastruttura u l-ambjent, it-turiżmu, edukazzjoni ta’ kwalità, kif ukoll f’niċeċ ekonomiċi ġodda inkluż b’investiment barrani li jwasslu għal żieda fl-impjiegi ta’ kwalità. Dan il-budget u l-miżuri mħabbra għandu viżjoni ta’ Malta aħjar. Malta aħjar hija u trid tkun Malta għall-ġenerazzjonijiet kollha. Tibda miż-żgħir li se jkun il-futur tal-pajjiż u għalhekk il-“Viżjoni Malta 2050”, għall-ħaddiema, għall-familji, għall-persuni vulnerabbli, għan-negozji, kif ukoll l-anzjani tagħna.
Barra prospetti ekonomiċi pożittivi fl-2025 se jidħlu magħna wkoll sfidi b’mod partikolari l-inflazzjoni fuq livell interrnazzjonali li affettwatna wkoll. Għas-sena d-dieħla l-Gvern ħabbar diversi miżuri li se jkomplu jindirizzaw l-isfida tal-għoli tal-ħajja bil-għan li jkun ta’ spalla għal dawk bi dħul baxx li qegħdin iħossu l-piż taż-żieda fil-prezzijiet. Is-sussidji fuq l-enerġija, l-iskema “Sostenibbiltà”, żidiet fil-pensjonijiet, childrens allowance u għajnuniet oħra se jkomplu jgħinu lil dawk fil-bżonn. Kieku Malta ma kelliex ekonomija b’saħħitha, kieku dawn l-għajnuniet ma jkunux possibbli.
Miri oħra ekonomiċi għall-2025 jinkludu s-sostenibbiltà ta’ diversi setturi fosthom dak tal-popolazzjoni, is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, l-infrastruttura, l-ambjent, l-akkomodazzjoni affordibbli u l-influss tat-traffiku. Rigward il-prospetti ekonomiċi għall-2025 u l-Viżjoni ta’ Malta 2050, IT-TORĊA tkellem mal-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela, tal-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriżi u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri u tal-Membru Parlamentari, Cressida Galea fejn ikkonfermaw ekonomija lokali b’saħħitha bi prospetti promettenti għas-sena d-dieħla.
Naraw kif b’miri ta’ politika progressiva ffokata fuq il-futur, l-ekonomija tagħna fl-2025 mistennija li tkompli tissaħħaħ b’direzzjoni u viżjoni ta’ ekonomija ħajja, sostenibbli, ambizzjuża, diversifikata, strateġika u li tevolvi skont il-ħtiġijiet u ż-żminijiet li ngħixu fihom.
Il-viżjoni ekonomika tagħna għas-snin li ġejjin
- il-Prim Ministru, Robert Abela
Meta dħalna fl-Unjoni Ewropea l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien wiegħed li pajjiżna malajr se jilħaq l-istandard of living Ewropew. Minflok, pajjiżna għadda minn perjodu ta’ staġnar b’żieda ta’ għexerien ta’ eluf ta’ persuni f’qagħda ta’ ċaħda materjali severa u minkejja miżuri ta’ awsterità, il-piż tad-dejn nazzjonali kien laħaq 70%. Kien għalhekk li l-prijorità ta’ Gvern Laburista kien li jwettaq dak li ħaddieħor kien wiegħed imma ma wettaqx.
Grazzi għal politika progressiva l-ekonomija tagħna saret l-aktar waħda li tikber minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni u mhux talli qbiżna l-ġid nazzjonali ras għal ras medju tal-Unjoni, talli qbiżna anke dak taż-Żona Ewro. Illum għandna rata ta’ qgħad li hija l-inqas fiż-Żona Ewro. L-ammont ta’ dawk dipendenti fuq assistenza soċjali naqas b’aktar min-nofs għax daħħalna riformi li jinċentivaw ix-xogħol. Biex b’hekk minn pajjiż b’rata ta’ mpjiegi fost l-agħar fl-Ewropa, illum qegħdin mal-aqwa pajjiżi. Dan kollu f’kuntest fejn il-Gvern investa mijiet ta’ miljuni f’sostenn lill-familji u n-negozji, tejjeb bil-kbir il-pensjonijiet u l-paga minima, kif ukoll l-infrastruttura u xorta l-piż tad-dejn nazzjonali naqas għal 50%.
Il-miri ekonomiċi li ngħatat mandat għalihom din l-amministrazzjoni kollha ntlaħqu sa nofs il-leġiżlatura. Kien għalhekk li sar neċessarju li nkunu aktar ambizzjużi. Il-politika ekonomika tagħna trid tevolvi ħalli nilħqu l-livell ta’ żvilupp li jmiss.
L-aqwa riżorsa ta’ pajjiżna: Il-forza tax-xogħol tagħna
L-aqwa riżorsa li għandu pajjiżna hija l-forza tax-xogħol tagħna. Il-ħaddiema tagħna huma l-bażi tal-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna. Huwa għalhekk li l-viżjoni l-ġdida tagħna tirrikjedi bidla qawwija fil-politika tax-xogħol. Minn sitwazzjoni fejn konna niffokaw fuq il-faċilità li jinħolqu postijiet ġodda ta’ xogħol, issa rridu niffokaw li jiġu kkreati ħiliet. Filwaqt li nżommu s-sistemi progressivi li permezz tagħhom tant nisa daħlu fid-dinja tax-xogħol u naqqset daqshekk id-dipendenza fuq għajnuna soċjali, irridu nwettqu riformi kbar fil-qasam tat-taħriġ.
S’issa, l-enfażi f’pajjiżna kienet fuq l-edukazzjoni formali u akkademika. Għalkemm din tibqa’ importanti, issa rridu niffokaw aktar riżorsi fuq it-taħriġ vokazzjonali u dak fuq il-post tax-xogħol. Irridu nkunu ċerti li l-ħaddiema tagħna, kollha kemm huma, ikunu f’pożizzjoni li jgħinu biex pajjiżna jwettaq b’suċċess il-qalba diġitali u ambjentali.
Dawn iż-żewġ bidliet se jkunu l-akbar li qatt għaddiet minnhom is-soċjetà tagħna u nemmen li joffrulna l-aqwa opportunità biex il-livell t’għixien f’pajjiżna jagħmel il-qabża li jmiss. Lil hinn mis-setturi ġodda li dawn il-bidliet se joħolqu, kull settur eżistenti se jkollu jinbidel radikalment. Biex dan iseħħ għalhekk, irridu politika tal-impjiegi differenti minn dik li kellna fl-aħħar snin.
Lejn pajjiż ta’ kwalità
Fost l-oħrajn se ndaħħlu Labour Migration Policy li l-għan tagħha huwa li tassigura li f’pajjiżna jidħlu biss dawk il-ħaddiema li verament hawn bżonnhom. Se ninvestu bil-kbir fl-edukazzjoni vokazzjonali u nreġġu lura d-deċiżjoni żbaljata meta ngħalqu l-iskejjel tas-snajja’. S’issa tajna l-inċentivi biss lill-azjendi meta kienu jħarġu lill-ħaddiema. Issa wasal iż-żmien li nagħtu l-inċentivi anke lil min jitħarreġ.
Il-politika industrijali tagħna qiegħda tinbidel minn waħda li tħares lejn kemm jinħolqu impjiegi għal enfasi fuq l-valur miżjud ikkreat minn kull impjieg. Fl-istess linja ta’ ħsieb, il-politika turistika tagħna qiegħda timxi minn tkabbir fl-ammont ta’ wasliet għal titjib fl-ammont ta’ spiża ras għal ras ta’ kull turist.
Biex nevolvu l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna, hemm bżonn li l-istrateġiji kollha tal-ministeri u l-entitajiet tagħna jkunu kollha fuq l-istess linja. Dak huwa l-qofol tal-Viżjoni Malta 2050 – dik li tarmonizza l-pjanijiet tal-Gvern u joħloq miri ċari li jkunu milħuqa fis-snin li ġejjin. Viżjoni ċara li se tibbenefika minn konsultazzjoni wiesgħa ħalli flimkien naħdmu lejn pajjiż ta’ kwalità.