Monday, January 12, 2026

SENA ĠDIDA B’LOĠIKA QADIMA

Aqra wkoll

Bdejna sena ġdida imma r-realtà globali għadha staġnata f’loġika qadima. Loġika ta’ poter, sfruttament u vjolenza. Ngħixu f’era li tiftaħar bl-iżvilupp teknoloġiku, bil-qafas tal-liġijiet internazzjonali, bl-avvanzi soċjali u finanzjarji imma ironikament falliet u għadha tfalli milli tiżgura ħajja dinjituża, sigura u ġusta għal kulħadd. Qatt fl-istorja uman ma kellna daqshekk għodod, għarfien u riżorsi imma wkoll qatt, fl-istorja riċenti, ma rajna daqshekk gwerer, daqshekk ġuħ, daqshekk faqar u daqshekk indifferenza istituzzjonalizzata. Dan mhux kawża ta’ nuqqas ta’ kapaċità imma kawża ta’ nuqqas ta’ rieda politika u għażla egoista favur sistema li tipproteġi l-poter qabel il-ħajja tal-bniedem.

Fl-Ewropa, il-gwerra fl-Ukrajna għadha għaddejja. Invażjoni militari li sfidat il-liġi internazzjonali. Hawn naraw kemm l-arkitettura tas-sigurtà hija fraġli meta l-qawwa militari titpoġġa ’l fuq mid-dritt. Is-suldati u n-nies Ukreni u Russi qegħdin iħallsu l-prezz b’ħajjithom mentri aħna, iċ-ċittadini Ewropej, qegħdin insofru inflazzjoni, pressjoni fuq l-enerġija u tnaqqis fis-servizzi. Dan filwaqt li l-industrija tal-armi qiegħda tkompli tagħmel il-biljuni fi profitti rekord. Din hija ekonomija tal-gwerra moħbija wara l-kliem friegħi ta’ “sigurtà”.

Nafu wkoll li fil-Lvant Nofsani kompliet tiħrax il-gwerra f’Gaża. Gwerra li evolviet fil-ġenoċidju tal-poplu Palestinjan. Din il-gwerra laħqet livell ta’ katastrofi umana li se tibqa’ tebgħa fuq il-kuxjenza globali. Gaża hija xhieda ta’ kastig kollettiv f’dinja li taf x’inhu d-dritt internazzjonali umanitarju iżda tagħżel li tapplikah b’mod selettiv. Nies ċivili, tfal, anzjani, ġurnalisti, sptarijiet u skejjel spiċċaw fil-mira waqt li l-kliem diplomatiku u l-espressjonijiet ta’ “tħassib” issostitwixxew azzjoni konkreta. Din mhiex biss traġedja reġjonali; hija prova tal-falliment morali tas-sistema internazzjonali.

Fl-Afrika, is-Sudan ukoll jinsab f’kollass sħiħ bi gwerra ċivili li qiegħda tirriżulta bħala waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji ta’ żmienna. Il-Jemen jibqa’ monument tal-ipokresija globali bi gwerra li intnesiet politikament imma tkompli toqtol bil-ġuħ u bil-mard. Fil-Lvant tal-Kongo, il-vjolenza armata tibqa’ marbuta direttament mal-isfruttament tar-riżorsi li jsostnu l-konsum globali. Fis-Saħel, stati sħaħ qegħdin jitfarrku taħt taħlita tossika ta’ militarizzazzjoni, instabbiltà u abbandun internazzjonali.

Jekk inħarsu lejn l-Ażja, il-Myanmar għadu maqbud taħt repressjoni militari brutali. Fl-Afganistan, in-nisa u l-bniet huma sistematikament imċaħħda mid-drittijiet fundamentali tagħhom waqt li l-ekonomija qiegħda tikkrolla u l-poplu huwa kkastigat b’iżolament. Fl-istess waqt it-tensjonijiet ġeopolitiċi madwar Tajwan, il-Baħar ta’ Ċina t’Isfel u l-Peniżola Koreana qegħdin juru li d-dinja għadha tiddependi fuq deterrenza militari minflok diplomazija u koperazzjoni reali.

Imma, il-gwerra mhiex biss dik bil-bombi. Hemm gwerra oħra siekta iżda letali: dik tal-ġuħ. F’dinja li tipproduċi biżżejjed ikel biex titma’ lil kulħadd, fl-2026 għad hemm miljuni huma mċaħħda mill-bżonn u dritt fundamentali tal-alimentazzjoni. Il-faqar qiegħed jiżdied anke f’pajjiżi meqjusa “avvanzati”, frott ta’ sistema ekonomika li tikkonċentra l-ġid u tissoċjalizza t-tbatija. Id-dejn qiegħed jorbot lill-pajjiżi foqra f’ċiklu ta’ dipendenza li jservi lis-swieq finanzjarji u mhux lill-popli. 

Il-Veneżwela hija eżempju ċar u qawwi ta’ dan il-falliment sistemiku. Pajjiż sinjur fir-riżorsi naturali iżda mħarbat minn taħlita ta’ ġestjoni ħażina, korruzzjoni, pressjoni ġeopolitika u sanzjonijiet li ħabbtu direttament fuq il-poplu. Il-migrazzjoni massiva tal-Veneżwelani mhiex għażla ideoloġika imma att ta’ sopravvivenza. Min jirreduċi din ir-realtà għal slogan politiku qed iċaħħad lil dawn in-nies mid-dinjità tagħhom stess.

Qegħdin naraw sinjali allarmanti ta’ regress politiku fil-qalba tal-poter globali. Barra l-attakk riċenti fuq il-Veneżwela, it-theddida jew ir-ripetizzjoni tal-idea li Donald Trump jieħu Greenland mhiex ta’ min ma jirrikonoxxix il-gravità tagħha. Din hija sintomu perikoluż ta’ mentalità li tara territorji u popli bħala oġġetti negozjabbli. Meta anke l-prinċipju tas-sovranità u l-awtodeterminazzjoni jerġa’ jitpoġġa f’dubju, inkunu qegħdin immorru lura għal-loġika imperjali antika li suppost ħallejna warajna. Hawn nistaqsu: x’inhu l-valur tal-iżvilupp jekk ma jasalx għand il-poplu? X’jiswa d-dritt internazzjonali jekk japplika biss għal min huwa dgħajjef? Xi jfissru b’mod tanġibbli u prattiku l-avvanzi finanzjarji jekk ma jissarrfux f’paċi, f’sigurtà u f’dinjità?

Quddiem dan kollu, nemmnu li l-ordni globali huwa fi bżonn urġenti ta’ bidla reali u profonda. Hemm bżonn ta’ distribuzzjoni tal-ġid, investiment fil-paċi u mhux fil-gwerra, kif ukoll tisħiħ reali u universali tad-dritt internazzjonali. Hemm bżonn ukoll li jinħafer dejn inġust u fuq kollox, ta’ politika ġusta li terġa’ tpoġġi l-bniedem bħala skop u mhux bħala mezz.

Dħalna fl-2026, sena ġdida u jekk il-komunità internazzjonali ma toqgħodx attenta bl-avvenimenti kollha ta’ loġika qadima li għaddejjin bħalissa, l-inkwiet globali jista’ jeskala u jiggrava. Illum qabel għada l-gvernijiet għandhom jieqfu jinħbew wara l-kliem sabiħ u jibdew jieħdu deċiżjonijiet kuraġġjużi. Is-soċjetà ma tistax taċċetta li l-krudeltà ssir normalità. Irridu niftakru li kull deċiżjoni politika hija għażla morali. L-istorja ma tiġġudikaniex fuq l-intenzjonijiet iżda fuq l-azzjonijiet u fuq is-skiet ta’ min seta’ jaġixxi u għażel li ma jagħmilx hekk. J’Alla fis-sena 2026 niftħu kapitlu ġdid.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport