Hekk kif qed nibdew sena ġdida, Malta qed tħares ’il quddiem b’kunfidenza, iżda wkoll b’sens qawwi ta’ responsabbiltà. Matul dawn l-aħħar snin, pajjiżna kompla jgawdi progress ekonomiku, b’baġits li ffukaw fuq il-ħaddiema, il-pensjonanti, il-familji u l-aktar vulnerabbli. Ħafna nies qed iħossu aktar stabbiltà fil-ħajja ta’ kuljum, aktar miżuri soċjali u titjib fil-kwalità tal-ħajja.
Dan il-progress huwa importanti. Iżda bħala Maltin, nafu li s-suċċess ma jitkejjilx biss bin-numri. Is-saħħa vera tas-soċjetà tagħna dejjem kienet mibnija fuq il-familja, il-komunità u s-solidarjetà bejnietna.
Madankollu, irridu nkunu onesti u nagħrfu sfida serja li qed tolqot lil ħafna familji: l-abbuż tad-droga. Din mhix problema astratta. Qed tinħass fl-irħula u l-ibliet tagħna, fl-iskejjel, u fi ħdan familji li ħafna drabi jbatu fis-skiet. Il-prevenzjoni trid tibda minn kmieni, permezz tal-edukazzjoni u kampanji ta’ għarfien, b’messaġġ ċar li l-użu tad-droga mhuwiex aċċettabbli jew bla konsegwenzi, anke meta jseħħ ta’ kultant, f’attivitajiet soċjali.
Fl-istess ħin, irridu nkunu sodi ma’ dawk li qed japprofittaw mit-tbatija tal-oħrajn. Jeħtieġ aktar riżorsi għall-infurzar tal-liġi, aktar viġilanza biex ma tiddaħħalx, u pieni aktar ħorox għal dawk li jdaħħlu u jqassmu d-droga f’pajjiżna.
Tal-istess importanza hija l-kompassjoni. Il-familji li qed jiffaċċjaw il-vizzju tad-droga jistħoqqilhom ħafna aktar appoġġ u għajnuna, mhux stigma. Kif nagħmlu ma’ dawk il-familji li qed jiffaċċjaw mard serju, hekk ukoll irridu nsaħħu s-servizzi soċjali u l-NGOs li jappoġġjaw qraba li jgħixu bil-biża’, pressjoni u inċertezza.
Meta nħarsu ’l quddiem, Malta trid tibqa’ pajjiż li jappoġġja lill-familji u lill-ġenituri. Miżuri favur il-familja, flessibbiltà fuq il-post tax-xogħol, u inċentivi pożittivi għall-ġenituri mhumiex privileġġi, iżda investiment fil-futur tagħna. It-tfal tal-lum huma l-ħaddiema u ċ-ċittadini ta’ għada li se jsostnu s-servizzi u l-pensjonijiet ta’ pajjiżna.
Il-futur ta’ Malta ma jistax jinbena mill-Gvern biss. Jeħtieġ il-kontribut ta’ kulħadd: il-ġenituri, l-edukaturi, min iħaddem, il-komunitajiet u kull ċittadin. Jekk nibqgħu leali lejn il-valuri tagħna ta’ solidarjetà, responsabbiltà u rispett lejn il-ħajja tal-familja, nistgħu nassiguraw progress li mhux biss ekonomiku, iżda wkoll soċjali u uman.
Nittamaw li din is-sena ġdida ġġib magħha impenn imġedded lejn dawn il-valuri komuni, għall-ġid ta’ Malta u ta’ dawk kollha li jsejħulha darhom.
F’isem l-Amministrazzjoni Ċentrali u l-Kunsill tal-GWU nawgura sena tajba mimlija saħħa u paċi lill-membri kollha tal-GWU, il-familji tagħhom u l-poplu inġenerali.

