Ransdon Debono ta’ 22 sena residenti Ħal Qormi, kien ikkundannat sena ħabs wara li ammetta li saq b’mod perikoluż.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, fejn il-prosekuzzjoni spjegat kif il-pulizija ndunaw b’karozza Toyota waqt spezzjoni tat-traffiku. Minkejja li ngħataw sinjali biex tieqaf, il-vettura kompliet sejra, u l-uffiċjali bdew isegwuha.
Madankollu, minħabba li s-sewqan kien qed isir b’mod riskjuż, il-pulizija għażlu li ma jkomplux jiġru wara l-vettura sabiex jevitaw periklu akbar jew inċident. Aktar tard, il-karozza nstabet abbandunata fil-ġenb tat-triq u ġiet irmunkata mill-awtoritajiet.
Mill-investigazzjonijiet li saru, irriżulta li l-vettura kienet għadha rreġistrata f’isem sid preċedenti, minkejja li kienet inbiegħet lill-imputat madwar ġimagħtejn qabel l-inċident.
Debono ġie arrestat aktar tard meta mar l-għassa tal-pulizija biex jiffirma, skont il-kundizzjonijiet imposti fuqu f’każijiet oħra li allegatament kien diġà involut fihom.
Wara li ammetta l-akkużi, id-difiża kienet talbet rapport ta’ pre-sentencing. Madankollu, il-Qorti enfasizzat li dan ma kienx każ iżolat u rreferiet għall-passat kriminali tiegħu, waqt li qalet li hemm riskju reali li jerġa’ jwettaq reati simili.
Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, il-Maġistrat imponiet ukoll multa ta’ kważi €7,000 u ordnat li Debono jiġi skwalifikat mis-sewqan għal perjodu ta’ sena u nofs.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clive Abela.

