Wednesday, December 25, 2024

Sena ħabs sospiża għal raġel li seraq żewġt ifliexken xorb minn Convenience Shop

Aqra wkoll

Raġel ta’ 37 sena, mill-Maċedonja u residenti Birkirkara, ingħata sentenza sospiża wara li ammetta illi nhar is-26 ta’ Awwissu li għadda, għall-ħabta tas-7.15 p.m., seraq żewġt ifliexken xorb minn ħanut f’Birkirkara.

Kiro Trajkovski wettaq dan ir-reat fil-Convenience Shop ta’ Triq tal-Qattus, f’Birkirkara. Huma ammetta wkoll li fid-data, il-ħin u l-post indikati, huwa kellu fil-pussess tiegħu strument li jaqta’ u bil-ponta, u li kien qed iġorru fuqu mingħajr liċenzja u mingħajr permess mill-Kummissarju tal-Pulizija, kif ukoll li hedded lill-kaxxiera u li kiser il-paċi pubblika.

Meta ġiet għall-għoti tas-sentenza, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, ikkunsidrat l-ammissjoni bikrija tal-imputat, il-fatt li kkopera mal-Pulizija, u li l-valur tal-oġġetti misruqa kien wieħed minimu. Qieset ukoll li l-imputat għandu fedina penali nadifa u li din kienet l-ewwel darba tiegħu li xellef difrejh mal-ġustizzja.

Madanakollu, il-Qorti qalet li ma setgħetx tinjora n-natura tal-akkużi, speċjalment fid-dawl li dawn joħolqu riskju għas-soċjetà u anke għall-ħaddiema.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li l-Qorti sabitu ħati tal-akkużi, ikkundannatu piena ta’ sena ħabs sospiża għal perjodu ta’ tliet snin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Andrew Agius.

Ekonomija

Sport