Zulqurnain Bashir, Pakistani ta’ 33 sena residenti Tas-Sliema ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal 3 snin wara li ammetta li kien qassam kuntratti foloz lil pajjiżi terzi.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, Bashir, ammetta li kiseb xi vantaġġ jew benefiċċju għalih jew għal ħaddieħor ta tagħrif falz f’dokument pubbliku.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-imputat kien arrestat fl-uffiċini ta’ Identità fl-Imsida. Dan hekk kif kienu saru rapporti li kien qiegħed iqassam kuntratti foloz lil persuni minn terzi pajjizi biex jikru residenzi.
Dawn id-dokumenti foloz kienu qegħdin jintużaw fost l-oħrajn bħala prova biex diversi persuni jiksbu dokumenti ta’ identità fosthom mal-Awtorità tad-Djar.
Min-naħa tagħha d-difiża qalet li l-imputat kien użat minn persuni oħrajn hekk kif hu stess kien ingħata dokumenti foloz meta ġie biex japplika għar-risidenza, iżda imbagħad hu stess għamel hekk lil ħaddieħor.
Wara li Bashir ammetta, il-Prosekuzzjoni u d-difiża qablu li jingħata sentenza ta’ ħabs sospiża u dan minħabba l-fatt li ammetta l-akkużi fi stadju bikri u anke kkollabora mal-Pulizija.
Il-Maġistrat Gabriella Vella qieset li l-imputat qatt ma kellu problemi mal-liġi u anke kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. Kien għalhekk li kkundannatu sena ħabs sospiża għal 3 snin.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Karl Roberts waqt li l-Avukat Amadeus Cachia ddefenda lill-akkużat.