Friday, October 3, 2025

Sena ħabs wara li rreżista żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija u weġġa’ wieħed minnhom

Aqra wkoll

Eritrean ta’ 27 sena residenti Marsaskala kien ikkundannat sena ħabs wara li ammetta li rreżista bil-vjolenza lil żewġ kuntistabbli tal-pulizija u darab ħafif lil wieħed minnhom.

Bereket Ghebremedhin kien mixli li wettaq dan ir-reat nhar is-27 ta’ Ġunju li għadda fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun.

Huwa kien mixli wkoll li rreżista kuntistabbli ieħor fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana madwar tliet sigħat wara l-ewwel inċident. 

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Monica Vella saħqet dwar ir-rispett li għandhom ikollhom iċ-ċittadini lejn il-forzi tas-sigurtà. “Mingħajr dubju dan ir-rispett ma ġiex muri kif jixraq mill-imputat,” qalet l-Maġistrat Vella.

Il-Qorti qieset ukoll li inċidenti bħal dawn qed isiru aktar frekwenti fejn l-awtorità tal-pulizija qed tiġi sfidata u dan waqt il-qadi tal-funzjonijiet u dmirijiet tagħha.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti, filwaqt li sabet lil Ghebremedhin ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, ikkundannatu għall-perjodu ta’ sena ħabs effettiv kif ukoll għall-ħlas ta’ multa ta’ €6,000.  Huwa kien marbut b’obbligu biex ma jersaqx lejn iż-żewġ kuntistabbli involuti. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport