Aktar kmieni dalgħodu tressaq quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca r-raġel mixli li spara u anke qatel tajr protett fil-Qawra f’Ottubru tas-sena li għaddiet.
Lura s-sena li għaddiet kienu xehdu numru ta’ persuni b’rabta ma’ dan il-każ fosthom raġel li ra lil Miguel Zammit bilwieqfa fiż-żona tal-Ponta tal-Qawra, ipponta s-senter fl-ajru u ftit wara sema’ xi tiri u ra l-għasafar neżlin fil-baħar.
Kienu xehdu wkoll numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija. Wieħed minnhom, is-Surġent Edward Xuereb kien qal li l-Forzi Armati ta’ Malta ntalbu jassistu peress li kellhom bżonn dgħajsa biex jiġbru l-fjammingi minn fuq il-baħar.
Is-Surġent kien ukoll tkellem max-xhud fuq il-post, li kkonfermalu li ra t-tiri sparati u erba’ fjammingi jaqgħu fil-baħar. L-istess xhud għaraf lill-kaċċatur fl-awla.
Intant Zammit kien ikkundannat sena ħabs kif ukoll ġie skwalifikat b’mod permanenti mil-liċenzja tal-kaċċa.