Saturday, January 4, 2025

Sena li b’kuraġġ wasslet għal riformi leġiżlattivi importanti għall-futur tal-ħaddiema

… l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol

Aqra wkoll

Fl-isfond ta’ sfidi li ilhom jippersistu għal aktar minn 20 sena, Malta laħqet pass importanti fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Il-liġi l-ġdida tal-OHSA kienet ir-riżultat ta’ konsultazzjoni wiesgħa ma’ stakeholders rilevanti, fejn il-gvern, flimkien ma’ diversi partijiet interessati, ikkollabora biex iwassal abbozz komprensiv u denju li kien ta’ importanza kruċjali.

Dan l-abbozz ġie ppreżentat fil-Parlament mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u kiseb approvazzjoni unanima – pass li juri kunsens nazzjonali fuq dan is-suġġett sensittiv.

Dan sar skont kif imwiegħed mal-pubblikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Jean Paul Sofia fejn dakinhar il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru Attard ħabbru sett ta’ inizjattivi fl-immedjat u waħda minnhom kienet li qabel is-sajf ikollna liġi ġdida tal-OHSA.

L-istorja ta’ din ir-riforma

Il-liġi l-ġdida hija xhieda tal-impenn li ttieħed wara xhur twal ta’ diskussjonijiet u ħidma sabiex jiġu indirizzati problemi li matul is-snin jidher li ma kienx hemm il-kuraġġ meħtieġ biex jiġu diskussi u finalment indirizzati. B’dan l-abbozz, l-awtorità setgħet tinbena fuq bażi sodi u tkompli ttejjeb is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema f’kull settur.

Il-pass ħa tifsira aktar profonda taħt it-tmexxija ta’ Dr Josianne Cutajar, Kap Eżekuttiv ġdid tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA). Dr Cutajar għarfet il-ħtieġa ta’ ristrutturar fl-OHSA u wara analiżi interna ppreżentat pjan konkret li jinkludi żieda fil-kapaċitajiet umani u dawk teknoloġiċi. Il-gvern mhux biss approva din il-viżjoni, imma wkoll ipprovda l-mezzi biex tkun tista’ titwettaq b’suċċess.

Ir-Riżultati Konkreti

L-investiment fit-tkabbir tar-riżorsa umana u fl-informatika diġà beda jħalli l-frott. Minn medja ta’ 4,000 spezzjoni fis-sena, l-awtorità rnexxielha tirdoppja dan in-numru b’aktar minn 9,000 spezzjoni mwettqa din is-sena. Dan jirrifletti approċċ aktar proattiv u effettiv lejn it-tisħiħ tal-istandards fuq il-postijiet tax-xogħol.

L-Edukazzjoni u l-Għarfien: Pilastri ta’ Bidla

Wieħed mill-aktar aspetti kruċjali tal-bidla kien il-fokus fuq l-edukazzjoni u l-għarfien. L-OHSA mhux biss indirizzat il-perikli tradizzjonali fuq il-post tax-xogħol imma fetħet il-bibien għal suġġetti ġodda u rilevanti, inkluż:

Fatturi psikosoċjali: Temi dwar il-benesseri mentali fuq il-postijiet tax-xogħol, li saru aktar urġenti fl-isfond ta’ dinja tax-xogħol dejjem aktar dinamika.

Effetti tat-tibdil fil-klima: L-impatt fuq il-ħaddiema, speċjalment f’setturi b’espożzizzjoni għolja għall-elementi naturali.

L-awtorità torganizza programmi edukattivi, konferenzi, u esebizzjonijiet biex tqajjem kuxjenza dwar dawn it-temi. L-involviment tal-OHSA f’programmi televiżivi u djalogi pubbliċi serva biex jinbena pont bejn il-pubbliku, il-ħaddiema, u min jimpjegahom.

Viżjoni għall-Futur

Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv Dr Josianne Cutajar dwar x’għandna nistennew mis-sena l-ġdida fejn qalitilna li din is-sena diġà tidher promettenti, b’OHSA ffokata fuq it-titjib kontinwu. “Bil-mezzi li se tkun qiegħda tagħtiha l-liġi l-ġdida se tkun tista’ tkompli tespandi l-operat tagħha u ttejjeb il-kultura tas-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol bil-ħruġ ta’ diversi linji gwida biex ikomplu jgħollu l-livell. Din il-liġi mhix biss strument legali, imma wkoll katalista għal bidla kulturali fil-mod kif inqisu s-saħħa u s-sigurtà”, saħqet Dr Cutajar.

Hija spjegat li r-riformi leġiżlattivi li għaddew huma aktar minn sempliċi miżuri amministrattivi. Huma dikjarazzjoni ta’ impenn lejn il-benesseri tal-ħaddiema u l-iżvilupp ta’ standards moderni li jiżguraw li Malta tibqa’ pajjiż kompetittiv u responsabbli fuq livell internazzjonali.
“Il-passi meħuda s’issa huma biss il-bidu ta’ storja akbar, fejn l-OHSA qed twettaq rwol ewlieni fil-bidla lejn futur aktar sigur u sostenibbli”, temmet Dr Cutajar.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport