Sunday, November 24, 2024

SENA MILL-INVAŻJONI RUSSA FL-UKRAJNA … ĦTIEĠA AKBAR GĦALL-PAĊI DINJIJA

Aqra wkoll

Bħal-lum sena, l-Ewropa xxukkjat ruħha meta r-Russja ddeċidiet li tinvadi pajjiż ġar tagħha u sovran, l-Ukrajna. Minn dakinhar, il-gwerra ma waqfitx tant li ta’ kuljum qed imutu kemm suldati miż-żewġ naħat u anke nies ċivili. Din kienet gwerra li seħħet bla ebda provokazzjoni. Madankollu ġabet magħha konsegwenzi serji ekonomiċi li wasslu għal kriżi fis-settur tal-enerġija u mhux l-inqas fl-ogħli tal-prezzijiet.

Bla dubju li din il-gwerra ġabet tbatija fuq nies li huma ‘l bogħod minn din il-gwerra. Mhux biss imma wkoll li ġagħlet miljuni ta’ Ukreni jitilqu mill-pajjiż u jfittxu kenn f’pajjiżi oħra. Malta ntlaqtet minn dan, għalkemm forsi mhux daqs pajjiżi oħra, billi l-Gvern qed jissusidja l-ogħli tal-prezzijiet tal-enerġija iżda pajjiżna ma ħelishiex mill-inflazzjoni li kellha togħla ta’ kuljum.

Malta għax ġeneruża laqgħet għadd ta’ Ukreni u offritilhom l-għajnuna kollha li kienu jeħtieġu. Barra minn hekk, pajjiżna għen ukoll b’metodi oħra biex itaffi kemm jista’ jkun il-ħruxijiet li l-poplu Ukren għadu qed jaffaċċja. U dan għamlitu billi għajnuna materjali u finanzjarja u wegħdet ukoll li se tkompli tagħmel dan.

Bla dubju li Malta ma setgħetx tgħin militarment għaliex tħaddan politika ta’ newtralità, mhux biss, imma wkoll minħabba li pajjiżna dejjem ħadem u stinka għall-paċi fid-dinja partikolarment fil-kontinent Ewropew. Għalhekk nemmnu li kien f’waqtu l-kumment li għamel il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg meta fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, enfasizza t-twemmin ta’ Malta li t-triq ‘il quddiem fl-aggressjoni Russa fl-Ukrajna tista’ tiġi riżolta bil-paċi bbażata fuq il-liġijiet internazzjonali u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda. Dan kollu huwa rifless fil-vokazzjoni ta’ Malta li tkun fejn tkun taħdem għas-sliem.

B’dak li qal il-Ministru Borg, Malta qed tikkonferma li se tibqa’ tmexxi ‘l quddiem kull ħidma biex flimkien mal-komunità internazzjonali, il-Federazzjoni Russa tirtira l-forzi tagħha mit-territorju Ukren u b’hekk isiru l-ewwel passi għall-kisba lura tal-paċi.

Ħadd ma kien qed jistenna li 78 sena wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Ewropa kienet se terġa’ taffaċċja gwerra daqstant devastanti fuq l-għatba tal-kontinent tagħha. Għalhekk, il-vokazzjoni ta’ Malta li taħdem u tistinka għall-paċi tidher li tagħmel sens illum aktar minn qatt qabel.

Sport