Bħalissa t-Teatru ta’ San Vinċenz de Paul qiegħed jinbidel biex bejn it-13 u l-15 ta’ Diċembru jkun jista’ jilqa’ fih attività kbira fejn se jittella’ l-Villaġġ tal-Milied. Bejn il-Ġimgħa 13 u l-Ħadd 15 ta’ Diċembru, fit-teatru ta’ San Vinċenz se jiġi organizzat Villaġġ tal-Milied li d-dħul minnu se jmur b’risq l-Istrina.
Minbarra stands ta’ ikel, xorb u ħelu tradizzjonali, se jkun hemm ukoll stands fejn individwi qed jiġu mistiedna jesponu l-prodotti jew servizzi tagħhom biex dawn jinbiegħu matul dawn it-tlett ijiem. Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll programm varjat ta’ talent lokali, kif ukoll logħob għat-tfal u wirjiet ta’ karozzi.
Jekk tixtieq tieħu sehem f’xi wieħed minn dawn l-istands jew għandek xi talent bħal kant jew żfin, idħol fuq il-paġna ta’ Facebook St Vincent de Paul u hemmhekk għandek issib aktar informazzjoni. Ibgħat email fuq [email protected]. Il-ħinijiet tad-dħul fil-Villaġġ huma bejn l-10.00 a.m. u t-8.00 p.m., u l-Ħadd sal-5.00 p.m.
Intant, dan il-ġurnal tkellem ma’ Charmaine Craus, kelliema għall-istess Sptar fejn spjegat id-diversi attivitajiet li jsiru matul is-sena kollha. Craus tgħid li f’San Vinċenz de Paul isiru diversi attivitajiet għar-residenti, u l-istess residenti jieħdu interess kbir fihom, tant li sena wara oħra dejjem jiżdiedu fil-varjetà ta’ attivitajiet li jiġu organizzati.
“Bħala parti mill-kura ħolistika li noffru lill-anzjani tagħna, it-tim tal-Active Ageing Unit (AAU) f’San Vinċenz de Paul huwa responsabbli li jżomm lir-residenti attivi fiżikament, soċjalment u anke mentalment. L-irwol tagħna hu li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti tagħna u naraw li kulħadd ikun involut b’mod soċjali,” qaltilna Craus.
Mistoqsija x’jinvolvi x-xogħol ta’ AAU, il-kelliem qalet lil dan il-ġurnal li fost l-oħrajn jinvolvi attivitajiet ta’ kuljum fis-swali permezz ta’ logħob, crafts, mużika, qari, fost oħrajn. Spjegat li fis-swali jingħata servizz għal dawk il-persuni li ma jistgħux joħorġu u għalhekk “inżommulhom il-kumpanija b’kantanti professjonali u nies oħrajn li joħolqu logħob u eżerċizzju fiżiku addatat għalihom.”
Isir ukoll żfin terapewtiku minn ‘dance to dementia society’ li hu addatat għal nies li jinsabu fis-swali tad-dimensja. Stqarret ukoll li kull ġimgħa jkun hemm l-annimali bħal klieb, żwiemel, tjur u anke fniek li dawn jinġiebu fejn ir-residenti bħala terapija.
Staqsejna wkoll dwar il-ħruġ li jsir għal anzjani fejn il-kelliema qalet li “aħna nieħdu lill-anzjani fi spazji miftuħa fil-kampanja u ħdejn il-baħar matul is-Sajf. Nieħdu lill-anzjani tagħna wkoll jieklu fir-restoranti u f’lukandi. Hemm ukoll ħarġiet kulturali fejn inżuru postijiet ta’ interess fosthom Forti Sant’Anġlu, Forti Sant’Iermu u dan kollu jsir grazzi għal Heritage Malta. Appart dan nieħdu lill-anzjani wirjiet ta’ drama u anke musicals li jkunu qegħdin isiru fit-teatri madwar il-pajjiż.”
Matul din is-sena r-residenti ta’ San Vinċenz kollhom l-opportunità li jżuru postijiet bħal Esplora, l-Aquarium Nazzjonali, il-Marine Park fejn hemm raw varjetà ta’ ħut u dniefel, kif ukoll żaru diversi rziezet fejn raw diversi annimali.
Dwar il-ħarġiet għal dan iż-żmien tas-sena, l-anzjani jittieħdu biex iżuru diversi villaġġi tal-Milied li jsiru madwar il-gżejjer Maltin. Craus stqarret li ma jistax jonqos li l-anzjani jittieħdu Għawdex fejn fost l-oħrajn żaru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu li tant hu għal qalb ir-residenti.
Staqsejna wkoll dwar l-attivitajiet li jsiru fit-Teatru tal-Isptar fejn hemm isiru diversi wirjiet fosthom drammi, wirjiet taż-żfin u anke kunċerti ta’ mużika.
Fit-Teatru jiġu organizzati wkoll il-festini tal-Milied, attivitajiet marbutin mal-karnival u anke dawn marbutin mal-festa ta’ Santa Marija.
Il-kelliema qaltilna li din is-sena l-anzjani kellhom attivtà speċjali hekk kif kellhom l-opportunità li jinżlu f’qiegħ l-ibħra Maltin permezz ta’ Virtual Realities. Tgħid li hawn l-anzjani ġabu ħafna memorji l-aktar meta raw xi ajruplan jew vapur tal-gwerra f’qiegħ il-baħar.
“Aħna nimxu ħafna mal-kalendarju kulturali ta’ matul is-sena. Eżempju fi żmien il-Milied ikollna kunċerti mill-baned u anke banda li doqq fl-iswali. Jiġu fostna wkoll diversi tfal u żagħżagħ minn diversi skejjel biex jagħtu wirjiet lill-anzjani,” kompliet tgħid il-kelliema.
Tkellmet ukoll dwar il-festa tal-maħbubin – Jum San Valentinu – fejn dan ikun jum speċjali fejn koppji li jkunu mifrudin minn xulxin jerġgħu jingħaqdu. Fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira jsir il-peagent fit-Teatru u anke l-purċissjoni.
“Dawn huma ftit mill-attivitajiet li jsiru matul is-sena u wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll li jiġu ċċelebrati Jum l-Omm u Jum il-Missier fejn dakinhar isiru diversi attivitajiet. Attività oħra tant mistennija mir-residenti hija dik tal-Imnarja fejn issir lejla folkoristika u anke jitqassam ikel Malti,” temmet tgħid il-kelliem.