Sunday, December 22, 2024

“Sena oħra beħsiebni niġbor fondi biex nagħtihom lil xi għaqda karitattiva”

Matthew Conti, li waqqaf rekord nazzjonali għall-ikbar faċċata ta’ dar tradizzjonali Maltija armata għall-Milied

Aqra wkoll

Kull individwu jkollu xi delizzju: min imur għall-kaċċa, min jaħdem in-nar għall-festi, min jipprattika xi sport; il-lista tibqa’ sejra. Persuna li ġibdet l-għajn ta’ dan is-sit hija Matthew Conti — raġel ta’ 33 sena, residenti Ħal Lija, li huwa dilettant ħafna tal-festi.

YouTube video

Matthew, f’intervista li saritlu ma’ Talk.mt stqarr li l-akbar delizzju tiegħu huwa ż-żmien tal-festi, b’mod speċjali l-Milied, kif ukoll il-Ġimgħa l-Kbira u l-festa tar-raħal.

Huwa spjega li meta toqrob il-festa tar-raħal, jgħin fl-armar tal-knisja minn barra, f’dak li hu dawl, kif ukoll imidd idu fil-każin tal-banda li bħalissa huwa membru fil-kumitat tal-istess każin. Għall-festa tal-Ġimgħa l-Kbira jħobb jagħmel salib fl-istess post fejn hemm ix-xena tal-presepju, filwaqt li għall-festa l-iktar ħaġa li tispikka hija l-bandiera għax “Dejjem b’xi bandiera ġdida,” qalilna Matthew.

It-tiżjin ta’ Matthew għall-festi tal-Ġimgħa l-Kbira, tal-festa tar-raħal u tal-Milied. Ritratt: Facebook – Matthew.

Huwa qalilna wkoll li ftit tal-jiem ilu ngħata rikonoxximent wara li waqqaf rekord nazzjonali li jikkonsisti fl-ikbar faċċata ta’ dar tradizzjonali Maltija armata għall-Milied. Il-qisien huma 62 pied wiesgħa u 82 pied għoli.

Matthew waqqaf rekord nazzjonali li jikkonsisti fl-ikbar faċċata ta’ dar tradizzjonali Maltija armata għall-Milied.

L-oriġini għat-tradizzjoni ta’ tiżjin elaborat għal żmien il-Milied

Meta mistoqsi minn fejn nibtet it-tradizzjoni, bla ebda tlaqliq wieġeb: “Missieri … ħriġt bħalu. Minn xi mkien jiġi d-delizzju. Kien dilettant u involut fil-festa u kif jgħidu, it-tifel ħareġ għal missieru”. Però, għalkemm missieru ta’ kull sena kien jinkludi xi tiżjin, kien jarma xi ħaġa fuq livell ferm iżgħar: “Ta’ kull sena kien jarma xi ħaġa żgħira tal-Milied imma mhux b’dil-kwantità … Jiena daħħalt f’rasi li nagħmel dal-proġett u bil-mod il-mod dejjem inżid”.

Matthew irrakkuntalna li ilu jarma b’dan it-tiżjin elaborat tal-Milied għal dawn l-aħħar erba’ snin minħabba li kien biss riċentament illi saret rinovazzjoni tad-dar illi ppermettiet dan. Huwa ilu jgħix f’din id-dar sa minn mindu ħa l-ewwel nifs ta’ ħajtu. Xi żmien ilu kkonvertew id-dar u minħabba li huwa tifel uniku qasmuha fi tnejn; hu jgħix fuq flimkien mal-mara u t-tifla, filwaqt li missieru jgħix fis-sular ta’ taħthom.

Enfasi dwar is-sinifikat propju tal-Milied

“Apparti d-dwal u kollox, qed inżomm is-sinifikat propju tal-Milied,” saħaq Matthew. “Ix-xena prinċipali hija t-twelid ta’ Ġesù Bambin bl-anġli. Is-sena l-oħra din ix-xena kienet silhouette; tidher bid-dawl biss, però din is-sena għażel li jiżbogħhom u żied ukoll is-Slaten Maġi. Huwa jiżvela li iktar ’il quddiem beħsiebu jżid xi xogħol ieħor sabiex il-faċċata tkun kompluta; “Qisek qed tara presepju,” fisser Matthew.

Ix-xena tat-twelid ta’ Ġesù Bambin bl-anġli.

Dan ix-xenarju, Matthew jagħżel li jħallih armat sat-Tre Re; festa li hi magħrufa aħjar bħala l-festa tal-Epifanija li dis-sena se tkun iċċelebrata fit-8 ta’ Jannar.

Il-pandemija kellha impatt pożittiv

Il-Malti jgħid li sfortuna għal wieħed hija grazzja għall-ieħor. U forsi dan il-qawl nistgħu napplikawh fil-każ ta’ Matthew, għaliex f’wieħed mill-iktar żminijiet diffiċli li esperjenzajna kemm bħala poplu kif ukoll fuq livell globali — il-pandemija tal-Covid-19, donnu kebbes fih fjamma ikbar biex jelabora t-tiżjin tal-Milied.

Intant, Matthew spjegalna li l-ewwel ma beda kien b’dawl sempliċi mal-parti ta’ fuq tad-dar. L-iktar sena li żied fl-armar kien “fiż-żmien tal-pandemija”, sostna Matthew. Hu żied xogħol relatat mal-arblu u għamel it-twieqi kollha bid-dwal, fost affarijiet oħra. “Kull sena dejjem inżid biċċa biċċa sakemm ix-xena tal-Milied waslet fl-istadju li qed tidher illum”.

It-tiżjin fil-parti ta’ fuq tad-dar.

Matthew spjega li bħala armar “Jirrikjedi naqra xogħol mhux ħażin għax inti, jekk pereżmpju nieħdu l-parti fejn qed turi x-xena tal-Milied” — li tikkonsisti fil-Madonna, San Ġużepp, Ġesù Bambin, l-anġli u s-Slaten Maġi — “l-ewwel kellu jagħmilli d-disinn u l-grandiment Ryan Stivala, imbagħad għamilhomli ikbar u qtajthom fuq l-injam. Wara qabbadt lil Joseph Tanti minn Ħaż-Żebbuġ biex ipenġihomli”. Il-figuri li qed isawru x-xena tan-nattività huma figuri mpittrin bil-pinzell, “Tant li jekk tiġi żżurhom filgħodu se tara figuri miżbugħin biż-żebgħa, filwaqt li jekk tarahom filgħaxija se tara xena mod ieħor; filgħaxija għandek l-effett tad-dawl”.

Is-Slaten Maġi.

“Kull sena mill-bidu ta’ Novembru nibda naħseb għat-tiżjin, speċjalment jekk inkun se nagħmel xi ħaġa ġdida. Dan għaliex għandek xahar xogħol billejl biex isir ix-xogħol il-ġdid, filwaqt li għandek bejn ħames u sitt ijiem biex tarma x-xena kollha,” spjega Matthew.

X’inhuma l-pjanijiet ta’ Matthew għall-futur?

Matthew stqarr li kellu rispons sabiħ ferm mill-pubbliku. Huwa jirrakkonta li kien hemm individwi li ħadu triq pjuttost twila biex marru jaraw ix-xenarju tiegħu tal-Milied, iżda ma qatgħux qalbhom minħabba li huma dilettanti tat-tiżjin. Isemmi wkoll li inzerta għadd ta’ nies, kemm turisti kif ukoll Maltin, li ħadu xi ritratti mal-faċċata tad-dar tiegħu.

Il-faċċata tad-dar ta’ Matthew Conti armata għall-Milied.

Matthew qasam mument ħelu magħna fejn irrakkuntalna li xi ħadd minn sħabu, b’sens ta’ ċajt qallu li missu talab ewro lil kull persuna li ħadet ritratt quddiem id-dar tiegħu. Min-naħa tiegħu, huwa ddeċieda li jadotta dal-parir fejn żvela magħna li s-sena d-dieħla beħsiebu jitlob donazzjoni mingħand dawk li jmorru jgawdu dan ix-xenarju sabiex is-somma miġbura jkun jista’ jtiha lil xi għaqda karitattiva.

Ekonomija

Sport