Is-sena 2025 li issa hi parti mill-istorja, kienet waħda ta’ suċċess għal pajjiżna minn bosta aspetti. Inkisbu riżultati tajbin f’diversi setturi. Mhux b’inqas fit-turiżmu li bla dubju, kien, għadu u se jibqa’ waħda mill-kolonni ewlenin tal-ekonomija Maltija.
Dan mhux biss għaliex iħaddem eluf ta’ persuni fl-industrija tal-ospitalità imma wkoll għax jiġġenera dħul ta’ miljuni ta’ ewro minn dak li jonqfu t-turisti f’pajjiżna. Għalhekk irridu napprezzaw illi mingħajr turiżmu, pajjiżna jsir qisu dak il-persuna li biex jimxi jkollu bżonn il-krozzi.
Wieħed ma jridx jinsa lanqas kif f’ċirkostanzi oħra, fosthom waqt żmien il-pandemija, id-dħul minn din l-industrija kien naqas sew billi kienu naqsu drastikament il-wasliet tat-turisti billi n-nies kienu qed jibżgħu jivvjaġġaw. B’xorti tajba, pajjiżna rkupra sew mill-effetti tal-pandemija u rnexxielu jikseb irkupru b’saħħtu f’din l-industrija.
Xahar wara l-ieħor, sena wara l-oħra, komplew jinkisbu riżultati pożittivi fit-turiżmu. L-2025 kienet sena oħra wkoll li ġabet riżultati rekord. Għalhekk ma nistgħux ma nfaħħrux l-inizjattivi tal-Gvern u tal-Awtorita Maltija tat-Turiżmu biex dan is-settur seta’ jibqa’ għaddej, itejjeb il-kwalità tas-servizz offrut u anke jsaħħaħ il-konnettività. Wieħed irid jirrikonoxxi wkoll il-ħidma tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’kampanji pubbliċitarji biex mhux biss jiġu attirati aktar turisti lejn Malta imma turiżmu ta’ kwalità.
Għandna għax nifhmu li għaddej xogħol estensiv fuq niċeċ f’dan is-settur li kulma jmur qed jikbru aktar fil-popolarita, bħat-turiżmu reliġjuż, tal-għadis u l-esperjenzi tal-ikel u x-xorb flimkien ma’ oħrajn li huma ta’ interess qawwi għal dawk li jżuruna. Minkejja li aħna gżira żgħira, pajjiżna għandu ħafna x’joffri. Għalhekk jibqa’ kruċjali li l-pakkett kollu offrut iħalli dik l-esperjenza li l-viżitatur ikun qed ifittex. Esperjenza li ġġagħlu jerġa jiġi.
Madanakollu, ma għandniex biss inserrħu fuq dawn is-suċċessi li ksibna matul iż-żmien f’dan is-settur. U bħalma għamilna fil-passat, għandna nkomplu nibnu fuq it-tajjeb kollu li sar biex l-industrija tt-turiżmu tkompli jikber. Filwaqt li bħala pajjiż irridu nibżgħu għal din l-industrija, irridu wkoll naċċertaw ruħna li l-mijiet ta’ eluf ta’ persuni li jiġu fostna kull sena ma jħallux impatt negattiv fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna. F’dan il-kuntest nifhmu li dan l-aspett, anke l-awtoritajiet qed jaraw il-ħtieġa kruċjali tiegħu u qed isiru l-isforzi kollha biex dawn l-impatti mhuyx mixtieqa jonqsu kemm jista’ jkun.
Fl-aħħar mill-aħħar, kif sostna wkoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, inħarsu ’l quddiem lejn sena ġdida li bla dubju matulha se tissokta l-ħidma lejn esperjenzi turistiċi f’pajjiżna isbaħ u aktar ġenwini, li jrendu iżjed, b’kollaborazzjoni sħiħa mal-komunitajiet tagħna.

