Statistika uffiċjali tindika l-2025 kienet sena rekord fejn jidħol safar barra minn Malta. Dan hekk kif 929,645 persuna residenti f’pajjiżna siefru s-sena li għaddiet. Dan kien ifisser żieda ta’ aktar minn 10% kumparat mas-sena ta’ qabel.
L-istatistika uffiċjali tindika li bħala medja kull resident fil-gżejjer tagħna siefer aktar minn darba s-sena li għaddiet. L-ammont ta’ persuni li siefru kien madwar darbtejn u nofs l-ammont li kien siefer fl-2012, jew fl-aħħar sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista. F’dik is-sena bħala medja tliet kwarti tar-residenti f’pajjiżna biss kienu siefru f’dik is-sena.
Is-sena li għaddiet kien hemm kważi 74,000 persuna li siefru bil-baħar, kontra anqas minn 22,000 persuna fl-2012. Imma l-maġġorparti taż-żieda fis-safar seħħet permezz ta’ linji tal-ajru low cost. Dan hekk kif kważi 543,000 persuna użaw low-cost airline is-sena li għaddiet, żieda ta’ 12% fuq is-sena ta’ qabel.
Filwaqt li l-maġġoparti ta’ dawk li siefru kellhom bejn 25 u 44 sena, l-akbar żieda perċentwali fis-safar kien fost dawk ta’ aktar minn 65 sena. Fost il-pensjonanti Maltin u Għawdxin fil-fatt kien hemm żieda ta’ 20% fis-safar, tant li siefru 85,923 persuna ta’ din l-età. Dan huwa kważi erba’ darbiet l-ammont ta’ anzjani li kienu siefru barra minn Malta fl-2012.
Il-pajjiżi Ewropej baqgħu l-aktar popolari, imma fl-istess ħin kompliet it-tendenza għal aktar vjaġġi barra mill-Ewropa. Tant li kienu kważi 240,000, jew kważi nofs il-popolazzjoni li siefret barra mill-Unjoni Ewropea. Dan huwa madwar id-doppju tas-sitwazzjoni fl-aħħar sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista.
Żvilupp interessanti kien li s-sena li għaddiet twalu l-mawriet barra l-pajjiż, tant li bħala medja dawn kienu kważi sebgħa t’ijiem u nofs. Dan hekk kif kien hemm żieda ta’ aktar minn 20% fl-ammont ta’ ljieli li residenti f’pajjiżna għamlu barra minn Malta.
B’kollox dan is-safar barra minn pajjiżna fisser spiża ta’ aktar minn €952 miljun, żieda ta’ kważi €150 miljun fuq is-sena li għaddiet. Bħala medja kull persuna li siefer nefaq madwar €1,024.

