Il-Bank of Valletta qed ifakkar l-ewwel anniversarju tal-programm ta’ leave għal xogħol volontarju tal-impjegati tiegħu b’kisba impressjonanti. Aktar minn 430 impjegat kollettivament ikkontribwew aktar minn 3,500 siegħa għal kawżi komunitarji u ambjentali fl-2024. Din l-inizjattiva tifforma parti mill-impenn kontinwu tal-Bank b’risq ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tiegħu, u tenfasizza r-rabta b’saħħitha bejn ħidma f’tim u l-impatt pożittiv fuq is-soċjetà.
Il-programm joffri lill-impjegati tal-Bank l-opportunità li jiddedikaw ġurnata matul is-sena biex jinvolvu ruħhom f’xogħol volontarju. Dan irriżulta f’numru inkoraġġanti ta’ impjegati li pparteċipaw f’inizjattivi diversi matul l-2024, li jvarjaw mit-tħawwil ta’ siġar u t-tindif ambjentali sal-appoġġ ta’ individwi vulnerabbli u l-assistenza lil santwarji tal-annimali abbandunati. Dawn l-attivitajiet, li ġew organizzati b’kollaborazzjoni mat-tim tas-CSR tal-Bank, raw lill-impjegati jiddedikaw il-ħin tagħhom għal kawżi li jorbtu mal-valuri ewlenin tal-Bank ta’ inklużjoni, sostenibbiltà, u eċċellenza.
Ray Debattista, Chief People & Culture Officer, ta l-ħsibijiet tiegħu fuq l-impatt tal-programm u qal, “Din l-inizjattiva trawwem kultura ta’ konnessjoni u kollaborazzjoni fost l-impjegati tal-BOV. Aħna kburin li nkomplu din l-inizjattiva u nappoġġjaw lill-impjegati tagħna billi nagħtuhom ġurnata ddedikata għas-servizz volontarju. Il-passjoni u l-impenn muri mill-impjegati tagħna huma ta’ ispirazzjoni, u l-isforzi kollettivi tagħhom juru l-qawwa ta’ tim biex jagħmel impatt sinifikanti fis-soċjetà.”
Mill-banda l-oħra, Ernest Agius, Chief Operations Officer ikkummenta dwar is-suċċess tal-programm u qal, “It-3,500 siegħa li taw l-impjegati tagħna jirriflettu l-qalb u l-ispirtu tal-organizzazzjoni tagħna. Huwa xhieda tal-impenn tagħna biex ngħinu l-komunità. Jiena partikolarment kburi li din l-inizjattiva ġiet introdotta hekk kif iċċelebrajna l-50 anniversarju tal-Bank. B’hekk qegħdin nibnu fuq il-wirt tal-passat tagħna b’inizjattivi ġodda li jixprunaw il-Bank ‘il quddiem.”
Din is-sena, il-Bank of Valletta qed iġġedded il-programm ta’ leave għall-impjegati li jagħmlu xogħol volontarju, u qed jistieden l-impjegati tiegħu biex jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità biex jagħtu sehemhom u jkomplu jsaħħu r-rabtiet tal-Bank mal-komunità filwaqt li jżidu l-element uman ma’ dawk l-inizjattivi tas-CSR li jixprunaw bidla pożittiva.