Saturday, December 28, 2024

Sena ta’ kunflitti u estremiżmu… il-lezzjoni li l-umanità għandha tkun fiċ-ċentru

Aqra wkoll

Ninsabu fi tmiem is-sena 2022. Kienet sena li fil-bidu tagħha kien hemm l-istennija għat-tmiem tal-Covid19 u dan grazzi għat-tilqim. Is-sena 2022 imma bla ebda dubju tista’ tissejjaħ is-sena tal-kunflitt. Sena li fiha komplew jiżdiedu l-kunflitti u t-tensjonijiet bejn pajjiżi u fazzjonijiet diversi. 

M’hemm ebda dubju li l-kunflitt fl-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, ġibed l-aktar attenzjoni u din bla dubju titqies bħala l-agħar kunflitt li seħħ din is-sena.  Imma dan mhux l-uniku kunflitt. Kellna sinjali li għal xi mumenti tqiesu bħala pożittivi f’dak li hu waqfien mil-ġlied fl-Etjopja u fil-Jemen.  Minkejja dan imma, is-sitwazzjoni f’dawn il-pajjiżi spiċċat staġnata. Fil-Jemen hemm sitwazzjoni ta’ kriżi umanitarja u anke f’ċerti żoni fl-Etjopja.  Kellna il-gwerra fil-Mali li għadha għaddejja. L-istess fir-Repubblika tal-Kongo u f’Myanmar.

Ma’ dań trid iżżid tensjonijiet oħra li qed joħolqu tensjoni, bħal dik bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti fuq it-Taiwan u n-nofsinhar taċ-Ċina.  Ma’ dan hemm it-tensjoni bejn il-punent u r-Russja fejn hu ċar li l-punent qed jgħid b’mod qawwi lill-Ukrajna kemm f’armi u kemm finanzjarjament, xi ħaġa li wasslet biex ir-Russja irritaljat. 

Kienet is-sena li fija rajna l-pandemija tal-Covid19 tnaqqas drastikament mis-saħħa tagħha.  L-impatt tal-Covid19 fuq l-ekonomija dinjija, għalkemm kien naqas ħafna, kien akkumpanjat mill-invażjoni tal-Ukrajna. Din wasslet għal inflazzjoni qawwija.  Rajna l-prezzijiet tal-enerġija jisplodu u l-istess ġara mill-prezzijiet tal-ikel. 

Kellna imbagħad lejn l-aħħar ta’ din is-sena protesti kbar minn nisa u żgħażagħ fl-Iran. Apparti dan kellna imbagħad kwistjoni marbutin mad-dinja tax-xogħol fid-dinja tal-punent u dan minħabba l-effetti negattivi li kienet qed toħloq l-inflazzjoni. Inflazzjoni li fid-dinja tal-punent wasslet biex żiedet l-inugwaljanzi. Fejn dawk fil-qiegħ jew fin-naħa t’isfel komplew neżlin l-isfel. Dan waqt li kumpaniji kbar u korporazzjonijiet quddiem l-inflazzjoni li kienet qed taħkem lid-dinja spiċċaw żiedu b’mod qawwi l-profitti tagħhom. 

Matul din is-sena, rajna ukoll żviluppi negattivi fejn jidħol l-estremiżmu. Rajna x’ġara fl-Iżvezja fejn tlett partiti tal-lemin iddeċidew li jiffurmaw gvern mal-partit tal-lemin estrem. Fl-Italja, ffvotazzjowni baxxa ħafna rajna ukoll partit li għandu politiku tal-lemin estrem jingħata l-fiduċja. Wieħed irid jirrimarka li l-lemin estrem tal-lum hu differenti minn dak ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Hu estremiżmu li jagħti l-impressjoni li hu differenti minn dak ta’ snin ilu.  Minkejja dań hu estremiżmu li jitkellem fuq il-firdiet. Fid-dinja ta’ llum meta wieħed qed jgħid partit tal-lemin estrem mhux jifhem biss f’dawk il-partiti li ma jaċċettawx id-demokrazija, ultra nazzjonalisti, razzisti u omofobiċi. 

Illum bit-termini partit tal-lemin estreem qegħdin nifhmu partiti li jħaddmu l-ideoloġija tal-lemin u li għandhom pożizzjonijiet radikali. Il-lemin estrem jitpoġġa fi klassi għalih mill-partiti tal-lemin u dan għax dawn partiti tal-lemin estrem spiss issibhom jopponu is-sistemi tal-pajjiż u ostili għad-demokrazija liberali.

Illum il-partiti tal-lemin estrem jinqasmu f’żewġ kategoriji. Hemm dawk li ma jaċċettawx id-demokraziji jiġifieri is-sovranità popolari u li l-maġġoranza tiggverna u hemm dawk li jissejħu lemin radikali. Dawn jaċċettaw is-sistema imma jopponu elementi fundamentali tad-demokrazija liberali bħad-drittijiet ta’ minoranza, is-saltan tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri.  Fl-ewwel kategoriji jidħlu n-Nażistu u l-Faxxismu tas-snin  tletin, waqt li fit-tieni kategoriji insibu  partiti bħal Vox fi Spanja, il-Lega tal-Italja, AfD tal-Ġermanja, CasaPound u Forza Nuova fl-Italja u l-Austrian Freedom Party.

Fuq kollox din kienet sena fejn għal darba oħra fejn tidħol l-immigrazzjoni rajna tkompli tipprevali s-sitwazzjoni fejn persuni vulnerabbli jaqsmu minn naħa ta’ Fuq ta’ l-Afrika jitħallew abbandunati f’nofs ta’ baħar u kienu qegħdin jinġabru minn bastimenti ta’ ngo’s. Spikkaw sitwazzjonijiet fejn immigranti damu jiem sħaħ, ġieli ġimagħtejn sħaħ bejn sema u ilma. It-traġedji ma naqsux fejn għal darba oħra rajna l-imwiet jiżdiedu meta wieħed iqabbilhom ma’ komm qasmu persuni. Mas-sitwazzjoni tal-immigranti fil-Mediterran wieħed ma jistax isemmi l-imwiet fid-deżert tas-Saħara. 

Tista’ tibqa’ sejjer issemmi avvenimenti oħra negattivi li seħħew madwar id-dinja fis-sena 2022. Nemmnu li d-dinja għandha titgħallem minn dawn l-esperjenzi negattivi. Il-lezzjonijiet qegħdin hemm u issa sta għal min hu fit-tmexxija u f’pożizzjoni li jwettaq li jeħodhom. 

Nemmnu li fejn jidħlu l-kunflitt, l-aggressjoni u l-vjolenza mhix is-soluzzjoni. Mhemmx dubju li kien żball kbir mir-Russja li tinkadi lill-Ukrajna, kif hu żball minn naħa tal-Punent u l-alleati tiegħu, li jeskludu kull possibilità ta’ diskussjonijieet u jibqgħu jinsistu għall-kunflitt. Wieħed ma jistenniex li l-Ukreni wara dak li għaddew minnu f’din l-invażjoni, se jaqblu malajr li jkun hemm diskussjonijiet għall-paċi. Nemmnu imma li waqfien mill-ġlied u irtirar ta’ truppi minn kull naħa għandha tkun fuq l-aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti u l-pajjiżi tal-punent.

Minn dak li seħħ matul din is-sena qegħdin nibqgħu naraw dejjem aktar li l-bniedem – l-umanità m’għadhiex fiċ-ċentru ta’ kollox. Illum li sar importanti huma il-flus. Kemm se jkollok finanzi. Kemm korporazzjoni u kumnpaniji se jagħmlu profitt. Aktar ma jżidu, aktar iridu. Anke fl-inflazzjoni rekord, rajna l-kumpaniji u korporazzjonijiet japprofittaw. U minn dan batew dawk l-aktar fin-naħa t’isfel. Rajna l-faqar jerfa’ rasu. Il-prekarjat jiżdied. Qegħdin naraw f’ċertu pajjiżi, anki dawk tal-punent skjavitù modern.

Dan qed isir għax illum l-aġenda hi l-ekonomija. Kemm se tikber u b’liema persentaġġi. Kemm in-nies se jonfqu flus fl-istess ekonomija biex din tkompli tikber.  Anke fid-dinja tal-punent, il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema dejjem sejrin aktar lura, għax il-ħaddiem m’għadux fiċ-ċentru imma l-profitti saru fiċ-ċentru ta’ kollox.

U l-gvernijiet jippruvaw jagħlqu ħalq dawk l-aktar fin-naħa t’isfel billi jżerżqulhom xi għotjiet jew xi benefiċċji.  Benefiċċji li  ftit li xejn jagħmlu differenza għal dawn il-persuni, jekk huma ma jitpoġġewx fiċ-ċentru tal-politika.

Nemmnu li hemm bżonn li s-sistemi finanzjarji u ekonomiċi tal-Istati għandhom ikunu għas-servizz tal-poplu u mhux iservu primarjament lill-awtoritajiet, l-istess awtoritajiet li huma responsabbli għall-ġid komuni. F’din id-dinja tagħna llum qegħdin naraw dejjem aktar nies u kumpaniji sinjuri jaħtfu kemp jistgħu. Nemmnu li l-Istati iridu jaraw li jimmoderaw din il-kilba sproporzjonata ta’ ftit sinjuruni. 

Nemmnu li hu l-bniedem u l-ħaddiem  u  mhux il-flus li jridu jkunu l-mira ta’ kull ekonomija. Differenzi kienu u se jibqgħu jinqalgħu. Nemmnu li l-interessi ta’ dawk fin-naħa ta’ isfel, ta’ dawk vulnerabbli għandha titpoġġa fuq l-aġenda. Il-ġustizzja soċjali għandha terġa’ titpoġġa fuq quddiem tal-aġenda – ġustizzja soċjali li  tagħti każ lil min qed ibati, lil dawk bla leħen, lil dawk li qed jaħarbu, lil dawk mifnijin bil-mard.  Nemmnu li d-dinja għandha tmur biex issaħħaħ l-ugwaljanza, xi ħaġa li ddgħajfet ħafna fl-aħħar snin. 

Ekonomija

Sport