Friday, November 15, 2024

SENA TA’ SFIDI U SUĊĊESSI

Aqra wkoll

Minn Alex Agius Saliba

Matul l-aħħar jiem tas-sena dejjem inħobb nieqaf, inħares lura u nirrifletti fuq dak li nkun għaddejt minnu, is-suċċessi u kif ukoll l-isfidi li nkun ħabbat wiċċi magħhom matul l-aħħar tnax -il xahar, avvenimenti importanti li jkunu wassluni fejn qiegħed illum. Din is-sena kienet waħda impenjattiva ferm għalija fil-Parlament Ewropew iżda kienet waħda importanti u speċjali għaliex matulha kelli bosta kisbiet fix-xogħol politiku li qed inwettaq. Għandi bosta mumenti għall-qalbi u żgur li diffiċli ssemmihom kollha, pero’ hemm uħud li jispikkaw.

Is-sena ma setatx bdiet aħjar, għaliex f’Jannar il-Parlament Ewropew approva b’vot b’saħħru r-Rapport tiegħi dwar ir-Right to Disconnect, dritt li tkellimt ħafna fuqu matul dawn l-aħħar snin għaliex ġenwinament nemmen fil-bżonn li l-ħaddiema tagħna m’għandhomx ikunu mxekkla milli jgawdu l-ħin prezzjuż ta’ mistrieħ mal-familji tagħhom. Verament nemmen li għad għandna ħafna x’naqdfu biex nassiguraw li l-ħaddiema tagħna jkunu mogħtija l-ogħla livell ta’ protezzjoni minn prattiċi abbużivi, b’mod partikolari biex ma jkunux imġiegħla jaħdmu wara l-ħin uffiċjali tax-xogħol tagħhom mingħajr ma jkunu kkumpensati b’mod ġust. Għaldaqstant issa nħares ‘il quddiem biex ix-xogħol li wettaqt jiġi tradott fi dritt reali fl-Unjoni Ewropea kollha, mhux ġewwa pajjiżna biss.

Fil-ħidma tiegħi dejjem pruvajt li nagħti vuċi lil dawk li qed ibagħtu fis-soċjetà tagħna, dawk li forsi ftit ikunu mogħtija attenzjoni. Aktar kmieni din is-sena tkellimt ħafna dwar l-użu tal-kannabis mediċinali u fittixt li nwassal aktar għarfien, tant li anke waqqaft l-Alleanza Ewropea tal-Kannabis Mediċinali bl-għan li naħdmu għad-drittijiet tal-pazjenti u sabiex naslu għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq livell Ewropew. Aktar minn hekk, komplejt nagħtu attenzjoni xierqa lis-saħħa mentali u anke proponejt lill-Kummissjoni Ewropea sabiex is-sena 2023 tkun iddedikata għal dan is-settur, li fil-fehma tiegħi għandu jingħata ferm aktar importanza. Din is-sena ġejt ukoll elett chairperson tal-Alleanza Ewropea Brain, Mind and Pain, alleanza li qed taħdem ħafna favur kwalita’ ta’ trattamenti aħjar għal pazjenti li jbagħtu minn kundizzjonijiet newroloġiċi u uġiegħ kroniku, u komplejt ukoll bil-ħidma biex inwassal il-vuċi ta’ bosta pazjenti Ewropej li jbagħtu mill-kundizzjoni tal-Fibromyalgia.

Matul is-sena ngħatajt bosta karigi li komplew jimlewni bir-responsabbilta’ biex inservi u nwettaq aktar xogħol fil-Parlament Ewropew. B’mod partikolari ġejt maħtur ko-ordinatur tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi għar-riforma tal-Plenarja tal-Parlament Ewropew, fejn wara l-esperjenza li għaddejna u għadna għaddejjin minnha bil-pandemija, ingħatajt l-opportunita’ li nagħti sehem qawwi fl-ippjanar sabiex ikollna Parlament aktar reżiljenti u effettiv li jkun ukoll imħejji aħjar sabiex jaħdem fi kriżijiet u avvenimenti straordinarji futuri. Fuq livell leġiżlattiv, ġejt fdat bħala negozjatur ewlieni tas-Soċjalisti fuq il-liġi l-ġdida tar-roaming, opportunita’ biex nara li dan id-dritt importanti tal-konsumaturi Ewropej jiġi msaħħaħ għas-snin li ġejjin. Aktar minn hekk, wara pressjoni qawwija li għamilt fuq il-Kummissjoni Ewropea matul is-sena li għaddiet, din is-sena ġejt maħtur biex immexxi n-negozjati fuq il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fuq il-proposta dwar iċ-ċarġer komuni, biċċa leġiżlazzjoni importanti li ser tibbenefika ferm lill-konsumaturi u lill-ambjent. 

Fil-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi komplejt nikber u ningħata vot ta’ fiduċja wara ieħor mill-kollegi tiegħi, li qed jirrikonoxxu l-ħidma li wettaqt fil-Parlament matul dawn l-aħħar sentejn u nofs. Turija ta’ dan, ġejt fdat bl-organizzazzjoni tal-ewwel laqgħa esterna tal-Grupp li propju ttellat ġewwa pajjiżna fl-aħħar ta’ Settembru. Kienet okkażjoni ferm importanti li tat lill-kollegi tiegħi l-opportunita’ li jiddiskutu b’mod miftuħ mal-Prim Ministru Robert Abela l-viżjoni tagħhom għal Ewropa soċjali magħquda u jitkellmu fuq dak li qed isir fuq livell lokali, b’bosta politiki soċjalisti li huma rekonoxxuti u mfaħħra madwar l-Ewropa. Il-fatt li pajjiżna ntagħżel biex jospita din il-laqgħa huwa vot ta’ fiduċja fil-politika soċjalista ta’ pajjiżna u l-Gvern Laburista, fiduċja li għandha tagħmilna kburin.

L-aħħar u mhux l-inqas, is-sena ma setatx tagħlaq aħjar hekk kif aktar kmieni matul dan ix-xahar ingħatjat appoġġ qawwi ħafna mill-kollegi Membri Parlamentari Ewropej fil-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi li eleġġewni bħala Viċi-President tal-Grupp. Dan ifisser li issa ser ikolli rwol importanti fil-koordinazzjoni tal-ħidma politika tal-Grupp fit-tieni nofs ta’ din il-leġiżlatura, li ser tkun qed twassalna sal-elezzjonijiet Ewropej fl-2024. Ninsab onorat u nsostni l-impenn tiegħi biex nagħti ħilti kollha sabiex bħala Grupp inkomplu nwasslu l-messaġġ tagħna u nkomplu nkabbru s-soċjaliżmu, filwaqt li nwettqu aktar ħidma għall-Ewropa aħjar.

Quddiemna għandna sena oħra mimlija daqs bajda bi sfidi importanti, pero’ ninsab lest biex naħdem għal sena aħjar u biex inkompli nkun il-vuċi taċ-ċittadini Ewropej kollha ħalli nagħmel id-differenza permezz tal-ħidma tiegħi. Filwaqt li nittama li kulħadd igawdi dan iż-żmien ta’ festi, inħeġġeġ lil kulħadd biex ikun kawt u ma ninsewx li rridu nibżgħu għal xulxin u għalina nfusna. Il-pandemija għadha magħna, u għaldaqstant għandna nibqgħu nsegwu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u nibqgħu nitlaqqmu sabiex innaqqsu t-tifrix tal-vajrus.

Minn qalbi nieħu din l-opportunità biex inwassal l-awgurju tiegħi f’dan il-perjodu ta’ festi u nixtiqilkom sena mimlija hena, saħħa u prosperità. 

Ekonomija

Sport