Wednesday, November 6, 2024

Sena u nofs ħabs fuq frodi ta’ €4,100

Aqra wkoll

Daniele Aquilina ta’ 29 sena minn Ta’ Xbiex kien ikkundannat 18-il xahar ħabs wara li ammetta li ffroda €4,100 minn fuq diversi persuni. 

Il-każ seħħew f’Lulju tal-2020. Aquilina kien mixli wkoll li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-Qorti imposti fuqu u li kiser il-provedimenti ta’ sentenza li ngħatat fil-konfront tiegħu f’Settembru 2017.

Qabel ġiet biex tagħtih is-sentenza, il-Maġistrat Rachel Montebello kkunsidrat il-fedina penali “oneruża” tiegħu. Jirriżulta li Aquilina għandu storja twila ta’ kriminalità li bdiet meta kellu biss 15-il sena u mhux l-ewwel darba li ġie kkundannat għar-reat ta’ frodi.

Il-Qorti qalet ukoll li huwa m’għarafx jużufruwixxi mill-opportunitajiet li ngħatawlu biex jindirizza ċ-ċirkostanzi problematiċi f’ħajtu fosthom il-problema akuta tad-droga li “indubbjament hija l-ixprun tad-delinkwenza tiegħu u għalhekk mhix sejra timponi sanzjoni fil-komunità.”

Il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi dwar frodi iżda mhux tal-akkużi l-oħra u kkundannatu 18-il xahar priġunerija. Huwa tqiegħed ukoll taħt ordni ta’ trattament għal żmien tliet snin biex jingħata t-trattament meħtieġ sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga. 

Il-Qorti stiednet lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi biex jawtorizza lill-ħati li jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni jekk dan ikun meħtieġ. Finalment ordnat lil Aquilina jħallas lura l-flus li ffroda lill-vittma fi żmien sitt xhur meta jkun skonta s-sentenza. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley. 

Sport