Sunday, November 24, 2024

Sena u nofs ħabs wara li ammetta li seraq televixin u 4 handbags

Aqra wkoll

Glen Borg, ta’ 47 sena minn San Ġiljan ammetta li seraq diversi oġġetti biex ikollu flus biex jixtri d-droga. Għal dan hu ġie kundannat sena u nofs ħabs wara li dalgħodu tressaq il-Qorti.

Ir-raġel ammetta quddiem il-Maġistrat Monica Vella li nhar il-Ġimgħa seraq minn appartament f’Ħaż-Żebbuġ. Hu ġie akkużat li seraq televixin, għamara u 4 handbags. Hu ġie akkużat ukoll li wettaq ħsara fl-imsemmi appartament.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat għandu l-vizzju tad-droga, iżda kkopera bis-sħiħ mal-pulizija u l-oġġetti misruqin ġew irritoranti kollha.

Min-naħa tad-difiża talbet sentenza ta’ sena u nofs priġunerija minflok il-massimu ta’ tlett snin. Hawn il-prosekuzzjoni qalet li taqbel ma’ din it-talba.

Il-Maġistrat Vella talbet lit-tmexxija tal-ħabs biex waqt il-perjodu li se jagħmel hemm jingħata l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Sport