Saturday, December 28, 2024

Sengħa sempliċi li permezz tagħha tħossha rilassata u kuntenta

L-attriċi lokali Vivienne Caruana tirrakkonta dwar passatemp tat-tfulija li reġa’ xegħel fjamma f’ħajjitha

Aqra wkoll

“Meta naħdem [is-suf] niftakar fi tfuliti … dak iż-żmien bdejt xi ħaġa żgħira, imbagħad waqaft, u issa reġgħet ġiet din in-namra. Xi ħaġa sabiħa, sempliċi … l-affarijiet iż-żgħar jagħmluni kuntenta,” stqarret l-attriċi lokali Vivienne Caruana ma’ Talk.mt.

Vivienne, persuna li ċertament m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni, irrakkuntatilna li sa minn età żgħira tiftakar lil ommha taħdem xi affarijiet bis-suf.

Hija qaltilna li meta qabdet titfarfar u kellha madwar seba’ snin bdiet titħajjar sabiex titħarreġ f’din is-sengħa; xi ħaġa li għal dak iż-żmien kienet in-norma li l-ulied jitħarrġu f’xi sengħa, partikolarment dik tal-ħjata fil-każ tal-bniet u t-tfajliet. Minn fost ħutha, hija l-unika waħda li interessat ruħha f’din is-sengħa. Ommha bil-paċenzja kollha kienet turiha u tispjegalha kollox pass pass.

B’umiltà kbira u b’umoriżmu ħelu immens hija stqarret li għall-bidu ħadet daqsxejn żmien sakemm qabdet din il-linja. Però, fl-istess waqt għarfet li m’hemm xejn tal-mistħija f’dan għaliex mill-iżbalji titgħallem — frażi li kull wieħed u waħda minna nistgħu nirrelataw sew magħha f’kull qasam tal-ħajja, għaliex min ma jagħmilx żbalji?

In-namra għall-ħjata li tibqa’ tfeġġ minn żmien għall-ieħor…

Għal xi żmien hija abbandunat din is-sena sforz iċ-ċirkostanzi tal-ħajja, fosthom in-namur u x-xogħol, sakemm imbagħad meta kienet tqila b’waħda minn uliedha kellha tqatta’ parti sostanzjali mill-istess tqala fis-sodda biex issalvaha. Kien hawnhekk li hija ddeċidiet li terġa’ taqbad dan id-delizzju biex ikollha fiex tedha:“Ġegħelthom jixtruli l-kotba u s-suf, u bdejt. Għamiltilhom il-ġerżijiet, għamilt il-booties, romper twil ħelu…”. Hawnhekk qasmet magħna esperjenza personali tassew ħelwa dwar dan il-famuż romper hekk kif spjegat li dan baqa’ jintiret minn uliedha għal għand in-neputijiet u kienet teħdilhom ritratt bih biex iżżommu rikordju.

Għal darb’oħra ġara li wara illi tfarfru wliedha reġgħet tefgħet din is-sengħa fil-ġenb u kien riċentament li reġgħet tatha għall-ħjata sabiex tirrilassa ftit mir-rutina ta’ kuljum, għaliex għalkemm hija pensjonanta, minħabba li baqgħet involuta fid-drama dan il-passatemp jirrekjedi li tiddedika ċertu ħin għall-istudju u għalhekk xtaqet xi ħaġa li tgħinha taljena.

Jum fost l-oħrajn hija kienet qed tqalleb fuq il-pjattaforma ta’ Facebook meta f’ħin bla waqt ġew għal għajnejha ħwejjeġ tal-pupi żgħar. “Għedt, nipprova. Suf kelli …u bdejt”.

Spjegat ukoll li sadanittant waħda min-neputijiet bniet tagħha xtaqet xi xalel ikkuluriti, waħda wara l-oħra. Minn hemm kompliet tagħmel xi xalel għaliha, għar-raġel u għal xi ħbieb u familjari biex tagħtihomlhom bħala rigal f’għeluq sninhom.

Il-kreattività għall-ħolqien ta’ oġġetti bis-suf f’festi partikolari

Iktar ma komplew igerbu l-ġimgħat u joqorbu l-festi bdiet titkebbes il-ħajra li tipprepara xi oġġetti relatati ma’ dawn il-jiem partikolari.

L-ewwel fosthom kien hemm il-festa tal-Halloween fejn għamlet qargħa ħamra u fatat, filwaqt li għaż-żmien tal-Milied kellha varjetà sħiħa: minn anġli, siġar u kalzetti tal-Milied, qniepen, ponsjetti u x-xena tan-nattività, sa Father Christmas, u snowman.

Għall-festa ta’ San Valentinu għamlet bosta qlub bħala simbolu tal-imħabba, filwaqt li għall-Għid għamlet liżar lill-Madonna tad-Duluri li qiegħed ferm għal qalbha kif ukoll bajd u flieles ikkuluriti.

Vivienne fissritilna li fit-tip ta’ ħjata li tagħmel hi huwa essenzjali li tkun taf id-differenza bejn pont sewwa u pont maqlub: “minnu tista’ tagħmel ħafna patterns u punti ġodda”.

“Kif spiċċa dak [l-Għid] qlibt għall-pupi u sal-lum il-ġurnata għadni għaddejja bil-pupi”. Tgħid li waħda mir-raġunijiet għalfejn tieħu gost tagħmilhom hija minħabba l-kuluri tas-suf differenti li tuża u l-aċċessorji li tagħmlilhom.

Ekonomija

Sport