Sunday, November 24, 2024

Senglea Athletic se jilagħbu fl-Amateur League

Aqra wkoll

Fl-istaġun li ġej, Senglea Athletic se jilagħbu fin-National Amateur League wara li l-kumitat eżekuttiv tal-MFA approva l-mozzjoni li tmur kontra l-argumentazzjoni ta’ Senglea biex iżommu posthom fiċ-Challenge League.

Għaldaqstant, id-deċiżjoni oriġinali li Vittoriosa Stars iżommu posthom f’din id-diviżjoni se tibqa’ fis-seħħ. Dan iċ-ċaqliq sar wara li Pembroke Athletic ġew promossi fil-Premier League iżda mbagħad talbu lill-MFA biex jilagħbu fl-Amateur League, biex Sta Lucia żammew posthom fl-ogħla diviżjoni.

Intant, l-MFA ħarġet stqarrija li kienet tgħid:

Il-Bord Eżekuttiv ħa nota tad-deċiżjoni sħiħa kif iddikjarat mill-Bord tal-Appelli, b’mod partikolari l-fatt li l-Bord tal-Appelli ma sab l-ebda ‘ksur sfaċċat’ tar-regolamenti fil-mod kif il-Bord Eżekuttiv kien wasal għad-deċiżjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju, 2022, dwar kif kellu jimtela l-post vakant li nħoloq fiċ-Challenge League. Minkejja dan, il-Bord Eżekuttiv segwa d-direzzjoni tal-Bord tal-Appelli billi ħa in konsiderazzjoni l-applikabbiltà tal-Artikolu 5(ii)(b) tar-Regoli li jirregolaw il-kompetizzjonijiet.

Wara diskussjoni miftuħa l-Bord Eżekuttiv ivvota fuq riżoluzzjoni dwar l-applikabbiltà tal-imsemmi artikolu, li rriżultat fi 12-il vot favur u 2 astensjonijiet. Ir-riżoluzzjoni qalet li l-artikolu in kwistjoni huwa applikabbli biss f’każijiet fejn ikun hemm aktar minn post vakant wieħed.

Din kienet l-ewwel darba li din il-proċedura kienet qed tagħmel użu minn Club Membru. Il-possibbiltà ta’ appell minn deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv saret possibbli wara r-riforma tal-Istatut approvata s-sena l-oħra.

Skond l-Istatut, dan l-appell jista’ jiġi ppreżentat minn Membri li għandhom interess dirett u sostanzjali f’deċiżjoni meħuda mill-Bord Eżekuttiv u li jqisu li tali deċiżjoni ttieħdet bi ksur sfaċċat tar-regoli u regolamenti tal-Assoċjazzjoni.

Sport