Senglea Gunners telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara li għelbu lil Valletta St Paul’s 2-1.
It-tim immexxi minn Glenn Vassallo kien ferm tajjeb fl-ewwel taqsima fejn mar minn fuq u wara li rdoppja l-iskor kmieni fit-tieni taqsima, kien reżiljenti biżżejjed sabiex baqa’ sod kontra d-diversi attakki tas-St Paul’s li min-naħa tagħhom skorjaw darba biss.
Glenn Bonello iċċelebra għeluq żmienu hekk kif poġġa lil Senglea Gunners minn fuq fl-24 minuta sabiex Ousman Jallow irdoppja l-iskor fis-37 minuta.
Ortega Zarate naqqas il-marġni tal-iskor għall-Beltin għalkemm ma kienx biżżejjed biex isalvaw punt.
Il-Gunners, li għadhom telgħin mit-tieni diviżjoni jinsabu fl-ewwel post daqs Għaxaq Wolves bi 13-il punt għalkemm għandhom partita iktar.
Referee kien Paul Apap.
Valletta Stars St Dominic irritornaw għar-rebħ hekk kif għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 2-1.
L-attakkant Auwal Abba irritorna bil-kbir hekk kif poġġa lill-Istilel Beltin minn fuq mal-kwarta logħob sabiex fis-16-il minuta Nino Barrabe ġab l-iskor indaqs għal San Ġwann.
L-aħħar kelma kienet ta’ Valletta Stars St Dominic li skorjaw il-gowl tar-rebħa minn Federico Tejada Marine proprju fil-25 minuta.
Referee kien Jean Pierre Sammut.
Fit-tieni diviżjoni, Ħamrun Sporting wettqu rimonta mill-aqwa hekk kif żammew fi draw ta’ 4-4 lil Swieqi United AFC.
Il-Ħamruniżi kienu qed jitilfu 4-1 sa tmiem l-ewwel taqsima, iżda kienu tajbin biżżejjed biex skorjaw tliet gowls fit-tieni taqsima sabiex ħadu punt importanti għall-klassifika tagħhom.
Junior Ohalewe poġġa lil Ħamrun Sporting minn fuq sabiex Swieqi dawru l-iskor favurihom wara gowls ta’ Julius Offorzor, Mohamed Amir, Kolathipara Mohandas u Bruno Menezes.
Fit-tieni taqsima, Ħamrun Sporting ħarġu bħal iljuni u skorjaw il-gowls li tahom punt permezz ta’ Junior Ohalewe, Owen Agius u Jean Chris Buttigieg.
Referee kien Gjorgji Bitri.
Gudja Wanderers wettqu pass falz hekk kif sfaw megħluba minn Birżebbuġa St Peter’s AFC 1-0.
Il-gowl uniku tal-logħba wasal fis-66 minuta permezz tal-iskorer prolifiku Oussama Boutayeb.
Referee kien Ray Tabone.
Finalment Mqabba Albions kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun hekk kif għelbu lil St Paul’s Bay NMFC 4-2.
Calvin Agius skorja doppjetta għal Mqabba b’Miguel Grima u Jean Alesi Spiteri jżidu iktar gowls għat-tim tagħhom.
Palden Sherpa u Sushan Bidn skorjaw il-gowls ta’ konsolazzjoni ta’ St Paul’s Bay NMFC.
Referee kien Gordon Magri.

