Senglea Gunners telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-Mochika MAFA L-Ewwel Diviżjoni meta b’wirja tajba għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy bl-iskor ta’ 3-1.
Fl-istess waqt, il-leaders preċedenti Marsa St Michael ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra San Ġiljan Saints sabiex tilfu l-ewwel post u issa jinsabu punt biss bogħod mit-tim tal-Kottonera.
Fl-aħħar ġurnata Marsa u Senglea jiltaqgħu kontra xulxin fejn jiġi deċiż min se jkun ir-rebbieħ ta’ dan il-kampjonat ferm missielet.
Mill-banda l-oħra, Mqabba Albions saru t-tieni tim li ġie relegat wara li tilfu l-konfront tagħhom kontra Tal-Qroqq Versity Kamelasa b’Valletta St Paul’s li ddominaw lil Żebbuġ Youngsters u rebħu 6-0.
Senglea Gunners kisbu rebħa importanti ta’ 3-1 kontra San Ġwann Pro Evolution biex telgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika.
It-tim mill-Kottonera ħareġ aggressiv sa mill-bidu u ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Seedy Fofana poġġihom fil-vantaġġ.
Fit-tieni taqsima, l-istess Fofana għamilhom 2-0 bl-aqwa skorer tal-kampjonat Lamin Jaiteh li skorja t-tielet gowl.
Għalxejn kien l-awtogowl ta’ Daniele Piccirilli li naqqas il-marġni tal-iskor għall-istudenti Franċiżi.
Referee kien Lorry Sammut.
Marsa St Michael spiċċaw il-konfront tagħhom fi draw ta’ 1-1 kontra San Ġiljan Saints.
Kienet logħba ferm interessanti fejn il-Marsin ħolqu ħafna iżda naqqsu milli jiskorjaw ħafna miċ-ċansijiet li ġewhom.
Kien Lukas Kopycki li poġġa lis-Saints minn fuq fit-23 minuta sabiex Marsa ġabu l-iskor indaqs meta Anthony Ewurum illobja tajjeb sabiex għeleb lill-goalkeeper ta’ San Ġiljan Rico.
Referee kien Stefan Galea.
Valletta St Paul’s iddominaw u rebħu l-konfront tagħhom kontra Żebbuġ Youngsters 6-0.
Minkejja r-rebħa, Valletta kienu jafu li ċ-ċansijiet tagħhom li jieħdu l-kampjonat kienu remoti iżda minkejja kollox onoraw il-logħba kontra tim li kien diġa’ relegat.
Fl-ewwel taqsima kien Dylan D’Agostino li poġġa lill-Beltin minn fuq iżda fit-tieni taqsima, dawn tal-aħħar ixalaw u fetħu l-festival tal-gowls permezz ta’
Ivan Martinez, Gerardo Rosa, Sebastian Morales, Kane Psaila u Ismael Grech.
Referee kien Gjorgji Bitri.
Tal-Qroqq Versity Kamelasa kisbu rebħa importanti ta’ 3-1 kontra Mqabba Albions sabiex aċċertaw ruħhom li matematikament se jerġgħu jilagħbu mal-kbar.
Mill-banda l-oħra, l-Imqabbin ġew relegati għat-tieni diviżjoni wara biss staġun mal-kbar. Huma ppruvaw jilagħbu l-logħba tipika tagħhom iżda sabu lit-tim minn Tal-Qroqq ferm kumpatt u tajbin fil-pussess.
Jeysin Rincon Royas kien f’forma mill-aqwa wara li skorja doppjetta b’Miguel Oliveira li skorja t-tielet wieħed għar-rebbieħa.
Mqabba naqqsu l-marġni tal-iskor minn Shaun Abela.
Referee kien Ray Tabone.
Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Buġibba Club de SWAT għalqu l-impenji tagħhom ta’ dan l-istaġun bl-aqwa mod possibbli meta għelbu lil Gżira United Sports Club 3-2 f’partita divertenti.
Kien Buġibba li marru fil-vantaġġ minn Suhail Manthrammal b’Timon Aquila Olmo li ġab l-iskor indaqs għal Gżira. Dawn tal-aħħar marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ minn Jason Woodhead iżda t-tim Indjan irrispondew b’doppjetta ta’ Nishad Ambyathingal għal skor finali ta’ 3-2.
Referee kien Alex Grech
KLASSIFIKA – MOCHIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Senglea Gunners 27, Marsa St Michael 26, Valletta St Paul’s 24, San Ġiljan Saints 20, San Ġwann Pro Evolution Academy 19, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 17, Mqabba Albions 11, Żebbuġ Youngsters 1.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Attard Edex Kings 27, Għaxaq Wolves 26, Buġibba Club de SWAT 20, Gżira United Sports Club 14, Ħamrun Amateurs 9, Fgura Spartans 2