Friday, November 22, 2024

Sensiela ta’ attakki mill-ajru fuq l-Ukranja ftit sigħat qabel il-bidu tas-sena l-ġdida

Aqra wkoll

Ftit sigħat biss qabel tintemm is-sena l-Forzi Russi wettqu sensiela ta’ attakki mill-ajru fuq diversi bliet fl-Ukranja b’mod partikolari fuq il-kapitali Kiev.

Is-Sindku ta’ Kiev Vitaly Klischko kkonferma mal-aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali li fil-kapitali ntefgħu diversi missili u mill-inqas persuna waħda mietet. Skont Vitaly Klischko waħda mill-miri tal-forzi Russi kienet lukanda li tinsab fiċ-ċentru tal-belt.

Jumejn ilu r-Russja kienet wettqet l-akbar attakki mill-ajru minn kemm ilha li bdiet il-gwerra. Il-President Ukren Volodymyr Zelensky kien wissa li qegħdin jistennew sensiela ta’ attakki mir-Russja biex “l-Ukreni jiċċelebbraw il-bidu tas-sena l-ġdida fid-dlam.”

Ir-Russja fl-aħħar ġimgħat kienet qiegħda tattakka s-settur tal-enerġija tal-pajjiż fosthom qerdet diversi power stations. Konsegwenza ta’ dan miljuni ta’ Ukreni spiċċaw bla dawl fi djarhom. Minħabba dan miljuni ta’ persuni ma setgħux isaħħnu djarhom mill-kesħa tremenda li qed tagħmel bħalissa.

Uffiċjali għoljin Ukreni kitbu fuq il-midja soċjali li minkejja l-attakki xorta waħda l-poplu Ukren kien se jiċċelebbra l-bidu tas-sena l-ġdida.

Eluf kbar ta’ Ukreni kienu qegħdin jippreparaw biex joħorġu fit-toroq ta’ Kiev biex jiċċelebbraw il-bidu tas-sena l-ġdida, iżda minflok spiċċaw fix-xelters kemm minħabba l-attakki li saru u anke minħabba biża’ li hekk kif joqrob nofs il-lejl ir-Russja titfa’ aktar missili.

Sport