Friday, January 10, 2025

Sensiela ta’ leaks mill-inkjesta Vitals

Aqra wkoll

Dwar il-leaks li kien hemm matul iż-żmien li kienet qed issir l-inkjesta, Dr Muscat qal li kienet il-Qorti stess li rrelevat kif Repubblika kienet qed twieġeb għal rikorsi tal-Ministri li kontra tagħhom infetħet l-inkjesta, qabel mal-istess Ministri kienu jiġu notifikati. Kompla jgħid kif ir-rapport tal-inkjesta jikkwota rapporti fil-mezzi tax-xandir li kellhom bħala sors numru ta’ spekulazzjonijiet li ġew minn leaks.

“Fil-Qorti ħareġ ukoll illi persuni li kienu jikkummentaw fuq il-midja soċjali dwar x’kien qed jiġri fl-inkjesta, kienu qed jikkuntattjaw persuni involuti fl-istess inkjesta. U meta saret it-tfittxija fid-dar tiegħi,” qal Dr Muscat, “in-nutar Robert Aquilina li kien imexxi Repubblika, kien jaf biha tant li kien qiegħed barra jsegwi l-ispettaklu li kien qiegħed isir. Fl-aħħar nett it-tmiem tal-inkjesta tħabbar permezz ta’ leak u r-rapport tal-inkjesta wkoll ġie leaked.” 

L-eks Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar azzjonijiet illi ħadu missier u ħu l-Maġistrata Vella fuq il-midja socjali. Dr Muscat qal illi missier il-Maġistrata, Aldo Vella, ħa azzjoni billi xerred poster fuq Facebook dwar protesta li kienet se ssir kontra l-korruzzjoni b’wiċċu fuqu u li fl-essenza tiegħu kien jgħid li huwa bħala eks Prim Ministru kienu korrott. Min-naħa l-oħra ħu l-Maġistrata, Massimo Vella kiteb messaġġ fuq Facebook fejn uża l-kelma taħwid fil-konfront tal-konċessjoni tal-isptarijiet.

“F’soċjetà żgħira bħal tagħna”, saħaq Dr Muscat, “kummenti bħal dawn jimminaw il-proċeduri.” Fakkar kif il-Qorti Kostituzzjonali kienet laqgħet talba li kienet saritilha biex Deputat Kummissarju jitneħħa mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għaliex martu kienet Ministru fil-gvern immexxi minnu bil-għan li ma jidħol ebda dubju f’moħħ iċ-ċittadini.

Dwar l-esperti mqabbda fl-inkjesta, l-eks Prim Ministru qal illi esperta minnhom suppost hija forensic accountant iżda lanqas ghandha warrant u issa ma tridx tixhed iktar, ieħor kien tkeċċa mix-xogħol mill-gvern Ingliż minhabba allegat kunflitt ta’ interess, waqt li l-espert illi l-kumpanija tiegħu tħallset €11 miljun ma riedx jiġi Malta biex jixhed u issa qed ixolji l-kumpanija tiegħu.

“Dawn l-esperti qarrqu lill-Maġistrata Vella u hemm possiblità qawwija li qarrqu fir-rapport tal-inkjesta,” iddikjara Dr Muscat. Fl-istess ħin wieħed mill-uffiċjali tal-pulizija li kien parti mit-tim tal-investigazzjoni rriżenja mill-korp u issa gie aċċettat bħala kandidat mal-Partit Nazzjonalista. “Quddiem dan kollu,” kompla l-eks Prim Ministru, “ma jistax ikolli fiduċja fil-mod kif tmexxew l-affarijiet u bilfors illi jidħlu d-dubji.”

L-eks Prim Ministru allega illi l-inkjesta tant saret b’mod dilettantesk illi tmur lura għal Jannar 2013 meta mhux biss ma kienx hemm il-konċessjoni tal-isptarijiet iżda huwa kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni. Fl-istess ħin, kompla Dr Muscat, l-esperti qagħdu fuq dak li qalilhom ċittadin Indjan li sema’ lil persuna oħra tgħid li huwa wara li spiċċa minn Prim Ministtu kien spiċċa bla dar u bla karozza meta kulħadd jaf li dan mhux minnu.

Mistoqsi minn Dr Gouder dwar l-impatt tal-inkjesta fuqu, Dr Muscat wieġeb illi kien hemm dannu psikologiku fuq il-familja tiegħu, ġew iffriżati l-assi kollha tiegħu u kien hemm impatt fuq ix-xogħol internazzjonali fejn fost oħrajn kellu jżomm ħatra f’istituzzjoni kummerċjali ewlenija fid-dinja sakemm jgħaddu l-proceduri.

L-eks Prim Ministru qal illi l-inkjesta dilettanteska li swiet €11 il miljun ingħalqet b’għaġġla kemm minħabba l-kawża li fetaħ huwa biex il-Maġistrata tirrikuża lilha nnifisha u anki wkoll minħabba li huwa kien qiegħed jikkunsidra li joħroġ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.  

Mistoqsi x’qiegħed ifittex bil-kawża illi fetaħ, Dr Muscat wieġeb li huwa qiegħed ifittex jingħata d-drittijiet tieghu. Saħaq illi l-Avukat tal-iStat min-naħa qiegħed jgħid li d-drittijiet tiegħu kienu mħarsa iżda issa qed jaħdem biex ibiddel il-liġi għaliex qed tiġi abbużata. L-eks Prim Ministru rrimarka li din hija “skizofrenija istituzzjonali”. “Jekk ma ningħatax id-drittijiet tiegħi”, tenna l-eks Prim Ministru, “ikun qed jinħoloq preċedent perikoluż għas-sistema tal-ġustizzja.” 

Flimkien mal-Avukat Gouder, deher għal Dr Muscat, l-Avukat Vince Galea.

Aqra wkoll “L-inkjesta Vitals tmexxiet b’mod maħsub biex jien ma nkunx nista’ nħares l-interessi tiegħi”
 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport