Abdulani Abderahman, Libjan ta’ 18-il sena residenti fil-faċilita Yours, tressaq il-Qorti fejn ġie mixli b’serq ta’ mobile phones minn ġewwa l-istabbiliment Vodafone li jinsab fi Triq Dun Karm, Birkirkara u li sar recediv.
Il-każ jinvolvi serqa li seħħet fit-2 ta’ April ta’ din is-sena mill-istabbiliment Vodafone ta’ Birkirkara għall-ħabta tas-1.15 a.m. fejn kienu nsterqu 13-il mobile li bejniethom jammontaw għal valur ta’ kważi €8,000.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija ħareġ li dawn il-mobiles ġew fiċ-ċirkolazzjoni u kienu għand persuni li wkoll kienu investigati.
Il-prosekuzzjoni spjegat li tliet persuni minn dawn identifikaw lill-imputat bħala l-persuna li begħelhom dawn il-mobiles flimkien ma’ persuna oħra.
“Kellimnih ilbieraħ, fejn ikkopera magħna u spjega x’kien ġara ezatt u semma persuni oħra involuti kemm fis-serqa u anka mix-xiri tal-mobile phones,” spjega l-Ispettur Shawn Pawney.
Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bil-Magistrat Rachel Montebello tikkundannah sentejn ħabs.
L-Avukat Graziella Tanti dehret għal Abderahman.