Sunday, November 9, 2025

Sentejn ħabs fuq traffikar ta’ droga f’Għawdex

Aqra wkoll

Libjan ta’ 36 sena residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, kien ikkundannat sentejn ħabs wara li ammetta li kien qed jittraffika d-droga f’Għawdex. Il-każ seħħ fl-1 t’Awwissu 2025 u fil-ġimgħa u x-xhur ta’ qabel.

Abdul Hamid Mohammed kien tressaq fil-Qorti t’Għawdex flimkien ma’ persuna oħra, u kienu mixlija b’assoċjazzjoni, traffikar u pussess tad-droga. Huma kienu mixlija wkoll b’ħasil ta’ flus. 

Il-Qorti semgħet kif f’Lulju li għadda, il-Pulizija tas-Sezzjoni kontra d-Droga kienu rċevew informazzjoni li minn residenza fiż-Żebbuġ, Għawdex, kienet qiegħda tiġi traffikata d-droga.

Il-Pulizija għalhekk bdiet bl-osservazzjonijiet fejn setgħet tinnota żewġt irġiel, li eventwalment ġew identifikati bħala l-imputati, deħlin u ħerġin mir-residenza tagħhom b’mod frekwenti, speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

Il-Pulizija bdew jissuspettaw li dawn setgħu kienu qed jittraffikaw id-droga f’Marsalforn. Wara aktar investigazzjonijiet, il-Pulizija talbu u kisbu mandat ta’ arrest u tfittxija fil-konfront taż-żewġ imputati.

Minn tfittxija li l-uffiċjali tal-Pulizija għamlu fir-residenza tal-imputati nstabu diversi boroż b’sustanza bajda suspettata kokaina kif wkoll borża imdaqqsa b’sustanza bajda suspettata kokaina u bott ieħor immarkat bħala protein powder bi trab abjad suspettat li kien cutting agent għad-droga. 

Tul l-istess tfittxija instabu wkoll scooter tal-elettriku iswed li matul l-osservazzjonijiet li kienu għamlu l-Pulizija l-imputat Abdul Hamid Mohammed kien innutat jagħmel użu minnu. Fuq il-mejda tal-ikel instab wkoll miżien diġitali bi traċċi ta’ trab abjad suspettata kokaina kif wkoll diversi boroż oħra tal-plastik vojta.

Il-Pulizija eventwalment kienu ressqu liż-żewġ persuni taħt arrest fil-Qorti. Fis-seduta tal-21 t’Ottubru 2025, wieħed mill-imputati – Abdul Hamid Mohammed, irreġistra ammissjoni għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. 

Il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, qalet li għalkemm l-imputat ammetta għall-akkużi, xorta ma setgħetx tinjora l-fatt li l-akkużi huma serji ħafna u r-reati saru f’lok ta’ villeġġjatura f’Għawdex fejn b’mod partikolari fiż-żmien tas-sajf dan il-post ikun frekwentat minn tfal u żgħażagħ.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti sabet lil Mohammed ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u kkundannatu sentejn priġunerija effettivi u għall-ħlas t’ multa ta’ €2,000.

Il-Qorti ordnat lill-ħati biex fi żmien sitt xhur minn meta huwa jiskonta t-terminu ta’ priġunerija, iħallas is-somma ta’ €649 rappreżentanti sehmu mill-ispejjeż tal-esperti nominati fl-atti tal-inkjesta li saret in konnessjoni ma’ dan il-każ.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Jonathan Pace.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport