Friday, October 25, 2024

Sentejn ħabs għal raġel li kkommetta serq u vandaliżmu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 49 sena weħel sentejn ħabs wara li nstab ħati b’serq u vandaliżmu.
Pier Paul Buttigieg ġie mixli li matul il-lejl ta’ bejn il-15 u s-16 ta’ Frar 2020, wettaq żewġ serqiet, sar riċediv, kif ukoll wettaq vandaliżmu.

Fil-jiem indikati, l-imputat seraq vettura tal-għamla Maruti 800 minn Triq il-Konċissjoni, iż-Żurrieq, u li għamlilha xi ħsarat. Minn hemmhekk baqa’ sejjer f’pompa tal-car wash f’Ħaż-Żabbar, Lourdes Service Station, fejn seraq ammont ta’ flus kontanti u għamel ħsara fuq kaxxa tal-pompa tal-car wash.

Meta mitkellem mill-Pulizija fl-14 ta’ Diċembru 2020 fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar b’rabta ma’ dawn l-akkużi, l-imputat qal li kellu problema tad-droga u li l-memorja tiegħu ma kinitx tajba. Meta ġie muri r-ritratti, huwa qal li għalkemm dik il-persuna li tidher fir-ritratti tixbhu, ma kienx hu.

F’filmat tas-CCTV li wrewh il-pulizija, huwa għaraf lilu nnifsu fil-filmat iżda qal li ma jiftakarx għalfejn kien mar hemm. Fl-istess filmat dehret persuna b’barnuża, ħwejjeġ skuri u gakketta b’logo partikolari, liema ħwejjeġ instabu għand l-imputat meta saret tfittxija fir-residenza tiegħu, fejn instabet ukoll xi għodda.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Dr Astrid May Grima, wara li rat id-dokumenti kollha ppreżentati kif ukoll semgħet ix-xhieda, kienet konvinta li l-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront tiegħu ġew ippruvati sal-grad rikjesti mil-liġi.

Kien għalhekk li huwa nstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ġie kkundannat sentejn ħabs.

Sport