Thursday, February 6, 2025

Sentejn ħabs għax hedded lis-sieħba u beda jagħti mal-karozza quddiem binthom

Aqra wkoll

Raġel ta’ 35 sena residenti Ħaż-Żabbar, ġie kkundannat sentejn ħabs wara li nstab ħati ta’ vjolenza domestika. Hu nstab ħati li hedded lis-sieħba quddiem binthom.

Hu nstab ħati wkoll li fl-2021 minbarra li ta fastidju lis-sieħba kiser ukoll żewġ kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti dwar każi differenti. Il-Qorti sabitu ħati li kkawżalha biża’, għamel ħsara fl-affarijiet tagħha, għajjarha u kiser il-paċi pubblika.

Il-vittma fix-xhieda tagħha qalet li kienet f’relazzjoni mal-akkużat għal tmien snin u minn din ir-relazzjoni kollhom tifla. Qalet li kienet hi li waqqfet ir-relazzjoni u 15-il ġurnata wara beda jgħajjat magħha u anke jkisser l-affarijiet li kien hemm fid-dar.

Hija kompliet tixhed li quddiem din is-sitwazzjoni hija kienet qabdet lit-tifla u telqet mid-dar ta’ fuqha senduqha. Qalet li kienet imbeżża’ tmur tiġbor l-affarijiet mid-dar. Il-vittma qalet li l-unika komunikazzjoni mal-eks sieħeb kien dwar l-aċċess tat-tifla.

Il-vittma kompliet tgħid li hu qatt ma ried jaċċetta li r-relazzjoni kienet intemmet. Tant li kemm-il darba ried li jerġgħu jirranġaw, iżda hi qatt ma aċċettat minħabba li kienet tagħtu diversi opportunitajiet biex jibdel ħajtu u jieħu l-għajnuna biex jikkontrolla r-rabja tiegħu u jieħu l-mediċini flimkien mal-kura.

Darba fost l-oħrajn l-akkużat kien bgħat messaġġ lill-vittma fejn heddidha u qallha li mhux se jħalliha tkun ma’ raġel ieħor kif ukoll li mhux se tgħix ħajjitha bil-kwiet. Qalet li wara dan it-theddid kien hemm arġument ieħor dwar l-aċċess tat-tifla.

Skont ix-xhieda tal-vittma, hu kien mar biex jitlobha lit-tifla, iżda fl-istess waqt ħadilha l-mobile u ordnalha biex tagħtih il-pun biex ikun jista’ jara lil min qiegħda tibgħat.

X’ħin ġiet biex titlaq minn ħdejh, hu beda jagħti daqqiet fuq il-bieba tal-karozza u anke daqqiet fuq il-windscreen. Il-vittma xehdet li dan kollu ġara waqt li kien hemm it-tifla rieqda fil-karozza. Hija marret l-għassa ta’ Wied il-Għajn iżda sabitu ‘l hemm u għalhekk marret f’ta’ Ħaż-Żabbar.

Xehdet li waqt li kienet qiegħda tagħmel ir-rapport għand il-pulizija, l-akkużat reġa’ beda jċemplilha. B’kollox ċemplilha u bagħtilha messaġġi 80 darba sakemm kienet mal-pulizija.

Min-naħa tiegħu, l-imputat ammetta li kien iċemplilha ripetutament iżda ċaħad li segwiha u heddidha, fosthom li kien se jitfagħha seba’ piedi taħt l-art.

Il-Qorti osservat kif fost il-messaġġi li bagħtilha kien hemm: “issa l-karozza nifqgħalek u għidilhom lill-pulizija li qbadt int tparla fil-vojt”, “Ara ma jftettilekx ma turinix it-tifla għax bil-kbira tkun qed navżak”, “Tridni nerġa’ ninżel Wied il-Għajn u nerġa’, aqbadni isma’ minni … tkomplix tkabbarhom isma’ mini għax sa jiddispjaċik”.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Rachel Montebello qalet li dawn il-messaġġi kemm bħala kwantità kif ukoll bħala kontenut, isaħħu x-xhieda tal-vittma. Innotat ukoll li x-xhieda tal-vittma ġiet imsaħħa wkoll b’dak li ppreżentat il-Prosekuzzjoni.Qalet li l-messaġġi juru wkoll li l-vittma qatt ma ċaħditu mit-tifla. Il-Qorti sostniet li l-aġir persistenti tiegħu kien li jagħmel pressjoni fuqha biex tirrikonċilja miegħu u biex jassigura li jara lil bintu meta jiddetta hu.

Għaldaqstant, il-Maġistrat Rachel Montebello kkundannatu sentejn ħabs, ikkonfiskat il-€11,000 li kien ħallas biex jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq żewġ każi oħra, ordnatlu jħallas €1,753 fi spejjeż tal-Qorti u €791 lill-vittma għall-ħsara li għamlilha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport