Żagħżugħ ta’ 26 sena residenti Marsaxlokk ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li hedded lill-eks sieħba tiegħu u anke li beżżagħha, kif ukoll li kkaġunalha ħsara fil-karozza tagħha.
L-imputat kien akkużat li fit-8 ta’ Jannar li għadda hedded lit-tfajla, saħansitra li joqtolha, wara argument li żvolġa meta hi żebgħet xagħarha isfar.
L-Ispettur Sherona Buhagiar spejegat quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici li l-vittma għamlet rapport fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fejn kienet allegat li wara argument mal-imputat, llegatament attakkaha u kompla jsegwiha meta telqet mid-dar.
Fil-Qorti, il-vittma qalet li huwa pprova jġiegħlha tiftaħ it-tieqa tal-karozza u beda jsabbat bil-ponn fuq il-vettura, u b’hekk inkisret il-mera.
Id-difiża qalet li dan kien episodju wieħed u li ordni ta’ protezzjoni għandha tkun biżżejjed, bil-prosekuzzjoni taqbel u tisħaq li għadhom jitħallsu d-danni.
Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici kkundannah sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin, kif ukoll ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u ordnalu jħallas €200 għalll-ħsarat fil-vettura.



