Tuesday, December 24, 2024

Sentejn ħabs sospiżi għal mara li ammettiet illi ħebbet għal oħra

Aqra wkoll

Josloann Cassar ta’ 30 sena, residenti x-Xgħajra, ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal sena wara li nstabet ħatja illi wettqet ħsara fuq vettura u li ħebbet għal sidha – mara ta’ nazzjonalità barranija – kif ukoll li kisret il-paċi pubblika.

Il-każ imur lura għall-15 t’Awwissu tal-2021, qrib il-kiosk tat-Tony’s f’Baħar iċ-Ċagħaq. Hija kienet akkużata wkoll b’fastidju, theddid u li nisslet biża’ ta’ vjolenza fuq il-vittma u t-tifla tagħha. Però, hija ġiet illiberata minn dawn l-imputazzjonijiet minħabba li l-inċident kien wieħed u iżolat.

Fix-xhieda tagħha, is-Surġent B. Gauci qalet li dakinhar li seħħ il-każ, għall-ħabta tad-9.30 p.m., hija ġiet infurmata li seħħ argument fil-post imsemmi u li meta waslet fil-post indikat, il-vittma qaltilha li kienet sabet vettura timblokkalha lill-vettura tagħha. Kompliet tgħid ukoll li l-vittma qaltilha li Cassar bdiet toffendiha u għamlet għaliha kif ukoll li għamlitilha xi ħsara fuq il-vettura.

Is-Surġent Gauci żiedet tgħid li minn indaġni illi saru, instab filmat tas-CCTV li jispjega kif seħħ l-argument.

Cassar, meta mitkellma mill-Pulizija, ċaħdet dawn l-akkużi u qalet li kienet il-persuna l-oħra li insulentata u li hi kulma għamlet kien li rrispondietha lura. Stqarret ukoll li hi kienet ġiet provokata. Però, fix-xhieda li tat fis-7 ta’ Mejju ta’ din is-sena hija ammettiet li tat daqqa f’wiċċ il-parte civile meta xehedet: “Intlift to be honest. Erġajt dawwart, rajt dalma, inżilt għaliha u iva kont vjolenti u tajtha xi daqqiet ġo wiċċha”. Però, hija baqgħet tinsisti li m’għamlet l-ebda ħsara fuq il-karozza tal-vittma.

Permezz ta’ affidavit, it-tabiba li eżaminat lill-vittma kkonfermat li l-vittma kienet qed issofri wġigħ fl-għadam ta’ wiċċha, tbenġil f’dirgħajha, u wġigħ fuq is-swaba’ t’idha l-leminija.

Il-vittma, fis-seduta tat-12 t’April 2022, xehdet li dakinhar li nqala’ l-argument hija kienet ma’ ħabiba tagħha flimkien ma’ wliedhom u li meta għall-ħabta tal-10.00 p.m. ħarġu minn ġo restorant f’Baħar iċ-Ċagħaq u marru fil-parkeġġ pubbliku hija sabet il-karozza tal-imputata timblokkalha lil tagħha.

Fix-xhieda tagħha fissret ukoll li għamlet xi kwarta ddoqqilha l-horn. Hija qalet li kawża ta’ dan l-inċident, bintha baqgħet trawmatizzata u kellha teħodha għand psikologa.

Il-Kuntistabbli Christian Mark Ferries, waqt li kien qed jagħti x-xhieda tiegħu sostna li rċieva e-mail mill-control room tal-Pulizija li kien hemm filmat ta’ argument li seħħ bejn żewġ persuni li qed jiċċirkola fuq TikTok. Huwa daħal fuq il-profil ta’ din il-persuna li tellgħet il-filmat, u għadda kopja tiegħu lill-Pulizija tad-distrett.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, sabet lil Cassar ħatja u kkundannatha sentenza sospiża.

Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ sena bħala protezzjoni għall-vittma u l-familja tagħha.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ritienne Gauci.

Ekonomija

Sport