Niklas Becker, Ġermaniż ta’ 18-il sena ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €5,000 wara li ammetta li ffilmja tifla ta’ 12-il sena f’toilet ta’ lukanda f’San Ġiljan.
Hu kien arrestat fit-12 ta’ Lulju li għadda wara li l-Pulizija kienu ġew infurmati li f’lukanda f’San Ġiljan kien hemm persuni li kienet qiegħda tinżamm mill-uffiċjali tas-sigurtà wara li allegatament kienet qiegħda fit-toilets tan-nisa fin-naħa ta’ fejn hemm il-pool.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li t-tifla nnotat persuna li kien hemm raġel qed jiġbed filmat bil-mobile waqt li kienet fil-toilet. Hija marret tiġri ħdejn missierha lill-uffiċjali b’dan fejn żammew lill-imputat sakemm ġew il-pulizija fuq il-post u ġie arrestat.
Hu tressaq il-Qorti u dakinhar kien baqa’ jinżamm arrestat. Aktar tard hu ammetta l-akkużi kontrih filwaqt li d-difiża qalet li hu ma kienx konxju li t-tifla kienet minorenni.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit irrimarkat fis-sentenza li huwa talab skuża għal dak li għamel u l-ġenituri tat-tifla aċċettaw l-apoloġija. Kien għalhekk li waqt li sabitu ħati kkundannatu għas-sentenza sospiża u l-multa msemmija.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri, Jonathan Cassar u Christian Xuereb.